Tuesday, April 30, 2024

Aktar minn 1,000 soft toy tifkira tar-Reġina se jmorru għall-karità

Aqra wkoll

Aktar minn 1,000 soft toy ta’ paddington fost karattri oħra li tħallew mill-pubbliku b’tifkira lir-Reġina Eliżabetta II se jkunu qegħdin jintbagħtu għall-karità.

Din l-aħbar ġiet konfermata minn Buckingham Palace hekk kif ġie kkonfermat li l-ġugarelli tħallew qrib ir-residenzi rjali bħalma huma l-istess palazz u Windsor Castle, wara l-mewt tagħha f’Settembru li għadda, se jingħataw għall-karità .

Intqal kif is-soft toys ġew maħsulin b’mod professjonali u se jkunu qed jintbagħtu lill-fondazzjoni Barnardos li twaqqfet minn Thomas John Barnardo lura fl-1866.

Ir-Reġina Eliżabetta II bdiet tkun assoċjata mill-qrib mal-famuż ors Peruvjan wara li l-koppja dehru flimkien fi sketch komiku waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġublew li mmarka s-sebgħin sena tar-Reġina fuq it-tron.

F’filmat qasir, Paddington żar il-Palazz ta’ Buckingham għal kikkra te, li matulu r-Reġina saħansitra dehret toħroġ sandwich bil-ġamm mill-baskett tagħha.

Dan wassal biex dawk li sellmu l-memorja tagħha, ħallew soft toys ta’ dan il-karattru u anke sandwiches bil-ġamm fost bukketti tal-fjuri fil-palazzi rjali u parks wara mewtha.

Il-Kap Eżekuttiv tal-fondazzjoni Lynn Perry qalet li jinsabu onorati li se jkunu jistgħu jagħmlu dan il-ġest sabiħ u li bla ebda dubju dawn se jkunu qegħdin iġibu ferħ kbir fil-qalb ta’ ħafna tfal li jingħataw sapport mill-fondazzjoni.

Sport