Saturday, August 1, 2026
Home Sport Żewġ Doping Control Officers Maltin jirrappreżentaw lill-AiMS fil-Logħob tal-Commonwealth 2026

Żewġ Doping Control Officers Maltin jirrappreżentaw lill-AiMS fil-Logħob tal-Commonwealth 2026

0
1

L-Awtorità Maltija għall-Integrità fl-Isport; l-AiMS bi pjaċir tħabbar li żewġ Doping Control Officers tagħha bħalissa jinsabu fi Glasgow jagħmlu xogħol ta’ testijiet tad-doping waqt il-Logħob tal-Commonwealth 2026. Dawn iż-żewġ DCOs b’esperjenza kbira, Tracy Farrugia u Brigitte Cauchi qed ikomplu jsaħħu r-reputazzjoni dejjem tikber ta’ Malta fil-qasam tal-ġlieda kontra d-doping u l-integrità fl-isport.

Il-Logħob, li beda fl-24 ta’ Lulju u jibqa’ għaddej sat-2 ta’ Awwissu 2026, laqqa’ flimkien atleti minn madwar il-Commonwealth, b’xejn inqas minn 74 pajjiż u territorju jipparteċipaw f’din l-edizzjoni.

Iż-żewġ DCOs Maltin, Farrugia u Cauchi, huma parti mit-tim internazzjonali tal-kontroll tad-doping (DCOs) li qed jopera tul il-Logħob f’kollaborazzjoni ma’ UK Anti-Doping (UKAD).

Kemm Tracy Farrugia kif ukoll Brigitte Cauchi ilhom jokkupaw il-kariga ta’ Uffiċjali ċertifikati tal-Kontroll tad-Doping sa mill-2012, u matul dawn is-snin akkumulaw aktar minn għaxar snin ta’ esperjenza fl-implimentazzjoni ta’ programmi kontra d-doping skond l-ogħla standards internazzjonali. Il-ħidma tagħhom għal dan il-Logħob hija frott tal-kollaborazzjoni eċċellenti u dejjem tikber bejn l-AiMS u Commonwealth Sport, u tirrifletti l-fiduċja li qed titgawda minn Malta fil-qasam tal-ġlieda kontra d-doping, li llum il-ġurnata f’Malta huwa amministrat mill-Awtorità Maltija għall-Integrità fl-Isport.

F’kumment dwar din l-esperjenza ta’ żewġ DCOs Maltin waqt il-Logħob tal-Commonwealth, il-Kap Eżekuttiv tal-AiMS, Kevin Azzopardi, qal: “Dan huwa pass ieħor importanti għall-AiMS u għall-programm ta’ pajjiżna ta’ kontra d-doping. Tracy u Brigitte wrew b’mod konsistenti l-ogħla livelli ta’ professjonalità, integrità u kompetenza matul is-snin twal ta’ servizz tagħhom. L-għażla tagħhom biex jaħdmu fil-Logħob tal-Commonwealth hija xhieda mhux biss tal-kompetenza individwali tagħhom, iżda wkoll tal-kredibbiltà u r-rikonoxximent internazzjonali li l-AiMS qed tkompli tibni permezz tal-impenn tagħha lejn l-eċċellenza u l-kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet sportivi internazzjonali.”

Il-kollaborazzjoni bejn l-AiMS u Commonwealth Sport se tkompli wkoll lil hinn minn Glasgow. Fuq il-bażi tal-esperjenza miksuba matul il-Logħob tal-Commonwealth 2026, Tracy Farrugia u Brigitte Cauchi ġew ukoll identifikati biex iservu bħala Lead Doping Control Officers waqt il-Commonwealth Youth Games 2027, li se jsiru f’Malta u Għawdex.

Il-ħatra tagħhom f’dawn ir-rwoli ta’ tmexxija tirrappreżenta pass ieħor importanti fit-tisħiħ tal-kapaċità ta’ Malta biex tipprovdi servizzi ta’ kontroll tad-doping ta’ livell dinji u tkompli tappoġġja l-viżjoni tal-AiMS li tpoġġi lil Malta bħala sieħeb internazzjonali affidabbli fil-ħarsien tal-integrità tal-isport.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here