Monday, December 16, 2024

Żewġ gvernijiet rivali fil-Libja jikkordinaw l-isforzi wara għargħar devastanti

Aktar minn 5,300 persuna kkonfermati mejta ... qed jingħad li jista' jlaħħaq l-20,000

Aqra wkoll

Wara snin ta’ ġlied u taqbid li wasslu għal gwerra ċivili li għadha għaddejja fil-Libja, iż-żewġ gvernijiet rivali fil-kunflitt qed jikkordinaw bejniethom sforzi ta’ għajnuna lill-vittmi tal-għargħar li hu maħsub li l-għadd tagħhom jista’ jitla’ għal 20,000.

S’issa, aktar minn 5,300 persuna mietu u eluf oħra għadhom mhux misjuba wara li żewġ digi nfaqgħu u kkawżaw għargħar devastanti fil-belt ta’ Derna fil-Lvant tal-pajjiż.

Skont uffiċjal tal-Gvern ibbażat f’Tobruk, it-traġedja li seħħet hija waħda devastanti tant li kontinwament qed jittellgħu mijiet ta’ iġsma mejta mill-baħar. L-istima tan-numru ta’ mwiet fil-belt Derna jista’ jilħaq bejn 18,000 sa 20,000, ibbażat fuq in-numru ta’ bini li ġġarraf fid-distretti meqruda mill-għargħar. Mill-inqas 10,000 persuna huma neqsin u għexieren ta’ eluf oħra ġew spostati.

Hichem Abu Chkiouat, Ministru tal-Avjazzjoni Ċivili fl-Amministrazzjoni li tmexxi l-Lvant tal-Libja, qal ma’ Reuters li n-numru ta’ vittmi jista’ jiżdied b’mod sinjifikanti.

Uffiċjal tan-Nazzjonijiet Uniti sostna li f’dan il-mument kemm il-gvernijiet tal-Lvant kif ukoll tal-Punent kienu qed jitkellmu bejniethom. Iż-żewġ gvernijiet talbu lill-komunità internazzjonali għal aktar għajnuna u servizzi ta’ salvataġġ. L-isfida issa hija li l-komunità internazzjonali twieġeb kif xieraq għall-ħtiġijiet u t-talbiet taż-żewġ gvernijiet fil-Libja. Dan fl-isfond li l-appoġġ jeħtieġ li jiżdied ħafna u malajr kemm jista’ jkun għandha tingħata għajnuna finanzjarja għall-belt ta’ Derna li l-popolazzjoni tagħha qabel l-għargħar kienet tlaħħaq madwar 90,000 ruħ.

L-istat Libjan magħqud beda jitkisser wara l-waqgħa tal-ħakma tal-Kurunell Muammar Gaddafi fl-2011. Gaddafi kien ilu jmexxi l-Libja għal aktar minn 42 sena.

Il-Libja issa hija maqsuma bejn żewġ amministrazzjonijiet rivali bbażati fil-kapitali Tripli fil-punent u Tobruk fil-Lvant. Il-pajjiż għadu mifni sal-lum f’kunflitt bejn bosta milizzji. Il-Prim Ministru Abdul Hamid Dbeibah imexxi l-Gvern ta’ Unità Nazzjonali appoġġjat min-Nazzjonijiet Uniti fi Tripli filwaqt li Osama Hamad, il-Prim Ministru fil-Lvant, imexxi l-Kamra tar-Rappreżentanti rivali.

Madankollu, ħafna jħossu li l-poter propju fil-Libja huwa verament f’idejn il-Ġeneral Khalifa Haftar li jmexxi l-Armata Nazzjonali Libjana.

Ekonomija

Sport