Tagħtina l-ħsieb tiegħek dwar x’seta’ wassal biex jirreżenja Bernard Grech proprju f’dawn iż-żminijiet u r-raġunijiet wara din ir-riżenja?
Naħseb kienu s-surveys, l-istħarriġ pubbliku li jsir minn żmien għal żmien minn diversi gazzetti dwar l-appoġġ li jgawdu l-partiti f’Malta. Wara l-elezzjoni tal-MEPs sena ilu donnu l-PN ma setax ikompli l-momentum ta’ riżultat tajjeb li kien ġab anzi, reġa’ lura għal-livelli baxxi ta’ appoġġ li kellu qabel. Dan ġab ammont ta’ frustrazzjoni fil-partitarji li trasmittewh b’xi mod lill-Kap Bernard Grech.
Dejjem kien hemm l-isem ta’ Roberta Metsola fl-imħuħ ta’ ħafna fil-PN, qisha l-kap ideali li kieku kienet hija fit-tmun tal-PN, l-appoġġ fis-surveys kien ikun aħjar. Naħseb dan imbagħad ġab frustrazzjoni f’Bernard Grech li ma ħassx li seta’ jkompli jmexxi taħt dan id-dell u nuqqas ta’ fiduċja espress minn wara l-kwinti. Anke għax kieku baqa’ u kienet tiġi elezzjoni u jibqa’ dak id-distakk li beda jidher fl-istħarriġ pubbliku, kien jiġi akkużat li kien stinat, mhux kapaċi jbiddel ir-rotta ‘l isfel.
Naħseb li kellu raġun Bernard Grech li jġiegħel lil Roberta Metsola tieħu pożizzjoni. Jien ngħid li Roberta Metsola għandha wkoll tgħid x’inhuma l-ħsibijiet tagħha, jekk qattx trid tkun kap tal-PN wara l-elezzjoni li ġejja, ovvjament jekk din ma tintrebaħx mill-PN.
X’inhija l-opinjoni tiegħek dwar iż-żewġ kandidati għar-rwol ta’ Kap ġdid tal-PN – Adrian Delia u Alex Borg?
Huma żewġ kandidati totalment differenti. Adrian Delia għandu esperjenza aktar minn Alex Borg, minħabba l-età tiegħu u għax diġà serva f’din il-kariga. Naħseb li l-issue tal-Vitals għollitlu l-profil u ż-żmien żiedlu l-kredibilità.
Alex Borg huwa żgħir u affabbli imma m’għandux l-esperjenza ta’ Delia. Huwa wiċċ ġdid u frisk u politiku ħawtiel. Kien involut ħafna waqt il-kampanja tal-MEP u parti mis-suċċess li ġab il-PN f’dik l-elezzjoni huwa dovut lilu. Iġib miegħu tama ta’ Partit li jista’ jkun differenti għalkemm irid juri fejn irid ikun differenti u jikkonvinċi li jista’ jwassal lil dan il-pajjiż biex ikun differenti. Għandu sfida akbar minn Delia għax fix-xhur li ġejjin irid juri lil-partitarji tal-PN u l-elettorat Malti, f’hiex jemmem, il-viżjoni tiegħu, dak li bl-Ingliż ngħidulu ‘what he stands for’.
Min minnhom, fl-opinjoni tiegħek, għandu jiġi elett bħala Kap ġdid tal-PN u għala?
Dik hija għażla tal-Kunsill Ġeneral u għandha tkun ibbażata fuq dawk li se juru ż-żewġ kandidati bħala viżjoni għall-pajjiż u strateġija għall-Partit. Għalija mhuwiex każ ta’ min għandu jiġi elett. Iż-żewġ kandidati fix-xhur li ġejjin it-tnejn li huma jridu juru kemm huma kapaċi jgħaqqdu, jikkonvinċu l-iswitchers u jekk terga’ tintilef l-elezzjoni hux se jkollhom il-ħeġġa u l-fiduċja li jkomplu jibnu l-appoġġ tal-PN.
Temmen li din l-elezzjoni hija verament “ġirja sabiħa bejn il-ħbieb”? Jekk jogħġbok, agħtina r-raġunijiet tiegħek.
Nemmen li hija elezzjoni verament bejn il-ħbieb. Vera li għall-ewwel qisu Adrian Delia kien se joħroġ uncontested. Imma, naħseb li Alex Borg kellu pressjoni biex jitfa’ l-kandidatura tiegħu. Kien hemm min ipprova jpinġih bħala serp.
Għalija, xi ħadd bħal Alex Borg, kellu kull dritt jaqra l-messaġġi li kien qiegħed jircievi mill-partitarji u jirrifletti s-servizz li jrid ikompli jagħti b’responsabilità lejn il-Partit, il-partitarji u lejh innifsu u jbiddel id-deċiżjoni li kien ħa li ma jikkontestax.
Il-qasma fil-PN ilha tippersisti snin twal. Tikkonferma dan u taħseb li b’kap ġdid, din il-qasam se tkun eliminata? Kif?
Il-qasam fil-Partit bdiet qabel l-2013. L-ixquq li bdew jidhru dak iż-żmien ħadd ma pprova jsewwihom billi jagħmlu Partit verament inklussiv anzi, kienu għamlu bil-kontra. Maż-żmien dawn ix-xquq komplew jikbru.
Jekk il-qasma fil-PN tistax tissewwa tiddependi mill-kap li se jintagħżel, kemm se jkun kapaċi jgħaqqad. Irid jagħżel tim li kollu kemm hu jiġbed il-ħabel miegħu li jsewwi x-xquq kollha. Hija sfida enormi u t-tim tat-tmexxija tal-PN il-ġdid irid ikun impenjat kuljum fuqha.
F’dawn il-ġranet qiegħed ikun hemm diversi kummenti negattivi fost membri u partitarji Nazzjonalisti. Tagħtina kumment dwar dawn?
Ħafna jgħidu li kieku tħalla Adrian Delia jagħmel it-term kollu tiegħu sal-elezzjoni kieku l-PN ma kellux għalfejn ibiddel kap għal darba oħra fil-ġimgħat li ġejjin. Naħseb min qiegħed jirraġuna hekk, għandu raġun. Qed ngħidu mhux b’disrispett lejn Bernard Grech li kien ġenwin fil-ħidma tiegħu. Imma, min inċità s-sitwazzjoni biex Adrian Delia jkun kontestat meta kien għadu kap, għandu ħafna xi jwieġeb illum.
Taħseb li l-Kap ġdid tal-PN jilħaq jiġi fuq saqajh qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss? Jekk le, għala u jekk iva, x’tip ta’ strateġija tħoss li hemm bżonn jew taf, li se tintuża?
Jiddependi fuq meta tiġi l-elezzjoni. Ma naħsibx li l-PN għadnu t-tim tal-elezzjoni mmobilizzat, kuntrarju għall-PL li lest żgur u lest għall-elezzjoni. Fid-dell ta’ dan kollu hemm id-djun kbar li akkumula l-Partit Nazzjonalista mas-snin. L-isfida għall-PN għall-elezzjoni hija enormi, l-ewwel irid jintgħażel il-kap. Ma nafx jekk hux se jinbidlu xi karigi, imbagħad irid jiġi mobilizzat it-tim tal-elezzjoni, titfassal strateġija għall-elezzjoni, viżjoni u programm elettorali, għażla ta’ kandidati ġodda, kampanja biex jiġu attirati votanti ġodda.
Żgur li trid tkun strateġija inklussiva, studjata u fattibli. Hemm ħafna issues li l-poplu, minkejja sitwazzjoni ekonomika tajba, mhuwiex kuntent bihom: it-traffiku, żvilupp żejjed, kif se nagħmlu pajjiżna jidher isbaħ. Kif ser nagħmlu pajjiż verament innovattiv u sostenibbli, nagħżlu xi oqsma fejn irridu nkunu ċentri ta’ eċċellenza u naħdmu fuqhom, dan biex noħolqu viżjoni għal fultur li fiwaqt li joffri opportunitajiet liż-żgħażagħ Maltin li jsawwru futur ta’ sodisfazzjon f’pajjiżhom, jiggarantixxi l-livell ta’ għixien għoli għal kulħadd.
Il-PN irid jispira u jagħti tama li jista’ jkun differenti, aħjar u kapaċi jwassal għal lifestyle aktar fejjieda lil kulħadd.
X’taħseb li wassal biex il-PN spiċċa jbiddel il-Kap tliet darbiet fi 12-il sena?
Id-diversi mexxejja qatt ma ħadmu biex jattiraw il-votanti li telquh fl-elezzjoni tal-2013 anzi, f’ħafna pożizzjonijiet li ħa l-PN iddistakka aktar minnhom. L-ebda kap mil-2013 sal-lum ma seta’ jispira li qiegħed joffri viżjoni aħjar mill-Gvern tal-ġurnata u jagħmel mill-PN partit li jiġbed lejh votanti ġodda. Il-votanti li telquh fl-2013 baqgħu jibżgħu mill-PN.
Finalment, il-messaġġ tiegħek liż-żewġ kandidati qabel l-elezzjoni li fiha se jintgħażel wieħed minnhom.
Nawguralhom li verament juruna li din hija tellieqa bejn il-ħbieb. Wara li jintgħażel il-kap il-ġdid it-tnejn iridu jaħdmu id f’id fit-tellieqa tal-elezzjoni u mhux min jitlef jipprova jagħti gambetti lill-kap il-ġdid magħżul.