Bi tħejjija għall-miġja tal-Papa Franġisku f’Malta u Għawdex nhar is-Sibt u l-Ħadd li ġej, studenti minn 81 skola tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti fl-aħħar ġimgħat ġew mistiedna jesprimu ruħhom b’mod artistiku dwar it-tema ‘Ilkoll Aħwa’. Dan permezz ta’ tpinġijiet, filmati, żfin, collages, intervisti, kitbiet, poeżiji u mudelli maħduma bl-idejn. Ix-xogħol li ħolqu l-istudenti nġabar f’żewġ kotba li l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex se jippreżentaw lill-Papa Franġisku meta se jkellmuh dwar il-ħidma tal-Knisja f’Malta.
Dan kollu sar possibbli permezz ta’ riflessjonijiet li l-edukaturi għamlu fil-klassi dwar min hu l-Papa Franġisku u dwar il-kitbiet tiegħu, b’mod partikolari it-tagħlim fl-enċiklika ‘Ilkoll Aħwa’ (Fratelli Tutti). Ir-riżorsi użati fil-klassi ġew adattati mill-Ispiritual Development in Schools skont l-età tat-tfal.
L-espressjonijiet artistiċi li ħolqu l-istudenti Maltin ġew ippreżentati dalgħodu lil Dr Nadia Delicata, id-Delegat tal-Arċisqof għall-Evanġelizzazzjoni, waqt attività li saret fil-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl fir-Rabat. Għaliha attendew studenti tal-primarja, medja u sekondarja minn 60 skola f’Malta fejn iddiskutew ukoll ix-xewqat u l-ħolm tagħhom li jgħixu flimkien bħal aħwa.
F’messaġġ lill-istudenti, l-Arċisqof Charles Jude Scicluna rringrazzja lil kull student u studenta talli b’entużjażmu kbir ħadu sehem f’dan il-proġett. Mons. Arċisqof appellalhom sabiex matul dawn il-jiem it-tfal jitolbu sabiex iż-żjara tal-Papa Franġisku fostna tħalli l-ġid mixtieq: “Iż-żjara tal-Papa tista’ tkun żerriegħa sabiħa li l-Mulej jiżra’ fil-qalb tagħna u jsib qalb li tilqa’ l-kelma tal-Papa u tagħmel ħafna frott, iżda dan jiddependi minna”.
F’Għawdex, l-espressjonijiet artistiċi ġew ippreżentati llum ukoll lill-Isqof Anton Teuma waqt laqgħa mal-kapijiet, assistenti kapijiet u studenti tal-21 skola f’Għawdex. Kull skola Għawdxija ħadmet fuq tema waħda li tinsab fl-enċiklika tal-Papa. L-istudenti żviluppaw it-tema u kitbu ‘mill-ġdid’ is-silta li ħadmu fuqha. Dan sar billi kull student fl-iskola, b’mod liberu, kiteb kelma waħda biss mit-test kollu. Il-ktieb tal-istudenti Għawdxin jinkludi ritratti tal-proċess kollu li sar fl-iskejjel f’dawn l-aħħar ġimgħat.