Thursday, April 25, 2024

“In-nies taw l-ewwel tindifa u issa trid issir tindifa oħra”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Jikkummentaw partitarji Nazzjonalisti

Quddiem ir-riżultat elettorali li wassal għal telfa kbira għall-Partit Nazzjonalista b’xejn inqas minn 39,000 vot, kienu diversi dawk l-attivisti Nazzjonalisti, tesserati u persuni li dejjem ivvutaw lill-Partit Nazzjonalista, li kkummentaw fuq ir-riżultat u s-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista. Waqt li attivisti ta’ Adrian Delia, qegħdin jippuntaw is-swaba lejn Bernard Grech u l-istrateġisti tiegħu għal din it-telfa, ħafna oħrajn qed jgħidu li hu inutli li wieħed iwaħħal fil-Kap għax il-problemi tal-Partit Nazzjonalista imorru lil hinn minn dan.

Wieħed minn dawk li kkummenta f’sit Nazzjonalista kien Jesmar Pace. Hu kkummenta li “issa l-elezzjoni għaddiet u min kellu rasu fuq għonqu induna minn qabel li tkaxkira oħra kellna. Biex ikollna ċans u ċans sew għal li jmiss irridu nibdew minn issa. Il-problema tal-partit, apparti li kellu ċertu kandidati li aktar għamlu ħsara milli ġid bil-qdusija tagħhom, hi li l-partit diżorganizzat u m’għandux volontieri għax kulħadd ċeda l-armi.”

Jenfasizza li “l-kandidati inutli iduru u jkellmu it-tesserati għax fejn aħna se nibqgħu. Jerome għaliex tela’ sparat? Għax mar għand il-Laburist jew għand il-floater?. Iridu nuru n-nies kemm hemm dejn veru u kif se jiġi meħlus.  Inutli nħallu każini magħluqin sena sħiħa u bniedem mgħandux fejn jirrikori meta jkollu xi problema.”

Saħaq li “hemm bżonn ta’ database fuq kull raħal biex il-partit jieħu idea fejn qiegħed u x’jista’ jagħmel biex itejjeb il-pożizzjoni tiegħu. Hemm bżonn jiddeċiedi minnufih min se joħroġ għal li jmiss u min mhux se jerġa’ jikkontesta. Mhemmx għalfejn tkun finalizzata f’xahrejn però l-kandidati stess jiġu konfermati u jibdew jingħataw preżenza fuq it-televiżjoni u jibdew jaħdmu. Jekk mhux se nagħmlu hekk nistgħu ninsew minn issa li se naraw Kastilja.  Inutli tbiddel il-kowċ u l-plejers jibqgħu l-istess”.

“Irridu nieqfu nitfgħu it-tort fuq il-kap”

Steve Zammit jiddikjara li “Fl-opinjoni tiegħi għandna nieqfu nitfgħu it-tort fuq il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech. Nemmen li r-riżultat hu responsabbilità tas-soċjetà Maltija. Hi responsabbilità tal-partitarjji Nazzjonalisti li għażlu li ma jmorrux jivvutaw jew għażlu li ma jiġbrux il-vot. Kif nistgħu inwaħħlu f’Bernard Grech wara li dan kien ilu biss 18-il xahar f’din il-kariga ta’ Kap. Kif nistgħu wara ix-xogħol kollu li għamel, inwaħħlu fih. Jiddispjaċini ngħid li l-mentalità Maltija hi dik li jaħsbu fihom infushom. Hi mentalità fqira li hi perikoluża għad-demokrazija. Hemm bżonn nieqfu naħsbu fina nfusna biss u nħarsu lejn ir-realtà. Il-Maltin għandhom iqumu u jkunu maturi. Ejja niġbdu l-ħabel fl-istess direzzjoni. Ejja nkunu Partit Nazzjonalista b’saħħtu”. 

Tikketta li l-Partit maħtuf mill-‘elite’

Minn naħa tagħha, Elaine Deguara tgħid li “jekk mhux se nibqgħu mal-għażla demokratika li għadu kif ta l-poplu lill-Partit Nazzjonalista, se nibqgħu imwaħħla mat-tikketta li l-partit maħtuf mill-‘elite’. In-nies taw l-ewwel tindifa f’din l-elezzjoni u  issa trid issir tindifa oħra lil ftit li fadal fl-istruttura. It-tindif irrid isir fin-nies tal-passat u mhux fil-prinċipji. Dawk jibqgħu għax dawk huma li jsawwru l-Partit Nazzjonalista u jagħmluh differenti mill-Partit Laburista”.

Sport