Saturday, December 28, 2024

Żewġ leġġendi ta’ Juventus jeħduha kontra Cristiano Ronaldo

Aqra wkoll

Żewġ leġġendi ta’ Juventus, Sergio Brio u Alessio Tacchinardi, jemmnu li Cristiano Ronaldo ma rrispettax lil La Vecchia Singora u poġġa lill-club ‘f’sitwazzjoni diffiċli.’

Ronaldo ħalla lil Bianconeri erbat ijiem qabel it-tmiem tas-suq tat-trasferimenti tas-sajf, u għamel ritorn xokkanti lura lejn Manchester United.

L-ass Portugiż ttajjar lejn Lisbona minn Turin nhar il-Ġimgħa, 27 ta’ Awwissu, eżatt qabel ma r-Red Devils ħabbru r-ritorn tiegħu f’Old Trafford.

Juventus sabu ruħhom bi ftit ħin biex jimlew post l-ex super stilla ta’ Real Madrid u minflok ħadu lura lil Moise Kean mingħand Everton.

Ronaldo spjega li s-sħubija ma’ Manchester United kienet “l-aħjar deċiżjoni li seta’ jieħu” u ħafna partitarji ta’ Juventus fuq il-midja soċjali sabu l-imġieba tiegħu bla rispett lejn il-ġganti tas-Serie A.

Il-leġġendi ta’ Juventus, Brio u Tacchinardi, għandhom l-istess fehma.

“Juventus jistħoqqilhom aktar rispett, ma stennejtx li Ronaldo jwarrab il-club hekk. Ma kinitx xi ħaġa sabiħa minnu,” qal Brio lill-midja.

“Dejjem nitkellem ħafna dwar it-tliet clubs fejn lgħabt: Juventus, Lecce u Pistoiese għax iffirmawni u emmnu fija. Cristiano huwa professjonista mill-aqwa, iżda l-addio tiegħu kellu jkun differenti.

“Forsi ma nfirdux bil-grazzja, iżda ninsab konvint li kienet it-tajba għall-player u l-club. Jekk player jiġi mġiegħel jibqa’, jista’ jikkawża ħsara lil sħabu u lill-club.”

Brio, ex difensur ta’ Juventus, lagħab 385 partita mal-Bianconeri bejn l-istaġuni 1978 u 1990.

Tacchinardi ngħaqad ma’ Juventus fl-1994 u qatta’ aktar minn 10 snin f’Turin, fejn lagħab 404 partita bil-flokk tal-Bianconeri.

“Ronaldo messu telaq b’mod differenti, mhux fuq il-jet privat tiegħu waqt li Allegri kien qed jitkellem mat-team qabel il-logħba kontra Empoli,” qal l-ex midfielder.

“Stennejt konferenza stampa biex jgħid l-addio lill-partitarji. Kien jistħoqqilhom xi ħaġa differenti.

“M’hemmx iktar leġġendi bħal Alessandro Del Piero, Francesco Totti, Paolo Maldini jew Javier Zanetti, iżda ma kienx sabiħ li tisma’ mingħand Ronaldo li kien sejjer lura f’post li jħossu bħal daru.

“Huwa poġġa lil Juventus f’sitwazzjoni diffiċli, u ħalla ftit jiem qabel it-tmiem tat-trasferiment, huwa impossibbli li tissostitwixxi magna tal-goals bħalu.”

Ir-rekords minn Ronaldo kif ukoll mis-super stilla l-ieħor, Lionel Messi, ma jonqsux. Għalhekk wieħed irid jara x’rekords se jkompli jikser meta se jilgħab għal perjodu ieħor f’Old Trafford.

Ekonomija

Sport