Il-Ministeru għas-Saħħa qed ikompli jsaħħaħ l-investiment fis-saħħa mentali bl-introduzzjoni ta’ żewġ mediċini ġodda fil-Formularju tal-Gvern: l-Escitalopram u l-Alprazolam. Dawn se jingħataw mingħajr ħlas lill-pazjenti intitolati permezz tal-iskema Pharmacy of Your Choice (POYC), b’investiment annwali ta’ madwar €355,000 li mistenni jibbenefikaw aktar minn 5,300 pazjent.
Din il-miżura tifforma parti mill-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali għas-Saħħa Mentali, bl-għan li jitwessgħu l-għażliet terapewtiċi disponibbli għall-professjonisti tas-saħħa u jittejjeb l-aċċess tal-pazjenti għall-kura fil-komunità.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Ian Borg, saħaq li l-ħidma issa hija ffukata fuq l-implimentazzjoni tal-istrateġija permezz ta’ miżuri konkreti li jagħmlu differenza fil-ħajja tal-pazjenti u l-familji tagħhom.
“Qed naħdmu biex kull persuna tingħata l-aħjar kura skont il-ħtiġijiet tagħha, permezz ta’ terapiji u trattamenti differenti. F’ċerti ċirkostanzi, il-mediċina tibqa’ parti meħtieġa minn din il-kura. B’investiment ta’ madwar €355,000 fis-sena f’dawn iż-żewġ mediċini, se jibbenefikaw aktar minn 5,300 pazjent. Huwa importanti li l-Gvern jipprovdihom mingħajr ħlas lil dawk intitolati, biex l-ispiża tagħhom ma tkunx ta’ piż fuq il-familji Maltin u Għawdxin,” qal id-Deputat Prim Ministru.
L-Escitalopram jintuża għall-kura tad-dipressjoni u diversi kundizzjonijiet relatati mal-ansjetà. Se jkun disponibbli fi tliet dożaġġi differenti — 5 mg, 10 mg u 20 mg — sabiex it-trattament ikun jista’ jiġi adattat għall-ħtiġijiet individwali tal-pazjenti. It-trattament se jkun jista’ jinbeda minn konsulenti fil-psikjatrija, fin-newroloġija u fil-ġerjatrija, kif ukoll minn tobba tal-familja.
Il-Formularju tal-Gvern se jinkludi wkoll l-Alprazolam f’pilloli ta’ 0.5 mg, mediċina użata fit-trattament ta’ ċerti kundizzjonijiet relatati mal-ansjetà.
It-Tabib Ewlieni tal-Gvern, Dr Clarence Pace, spjega li dawn iż-żidiet ikomplu jibnu fuq it-tisħiħ tas-servizzi u t-trattamenti disponibbli. “Fl-aħħar snin, il-Gvern introduċa diversi servizzi ġodda u żied numru ta’ mediċini fil-Formularju għall-pazjenti li jbatu mill-ansjetà u d-dipressjoni. Fost dawn hemm is-Sertraline, mediċina importanti fil-kura ta’ dawn il-kundizzjonijiet. Issa qed inżidu żewġ mediċini oħra li jintużaw minn ħafna pazjenti, biex inkomplu nwessgħu l-għażliet ta’ trattament disponibbli,” qal Dr Pace.
Id-disponibbiltà ta’ dawn il-mediċini permezz tal-POYC se tiffaċilita l-aċċess għat-trattament fil-komunità u tappoġġja l-kontinwità tal-kura. Dan l-investiment ikompli jsaħħaħ l-impenn tal-Gvern lejn servizzi tas-saħħa mentali aktar aċċessibbli u kura li twieġeb għall-ħtiġijiet tal-pazjenti.
