Friday, December 27, 2024

Żewġ missili Russi jolqtu lukanda f’Kharkiv

Aqra wkoll

Żewġ missili Russi laqtu lukanda fit-tieni l-akbar belt fl-Ukrajna, Kharkiv, liema attakk wassal biex jindarbu 11-il persuna. 

Ritratti maħruġa mis-Servizzi tal-Emerġenza tal-Istat tal-Ukrajna wrew li din il-lukanda sofriet ħsara kbira u anke diversi pumpiera fuq il-post.

Il-Gvernatur ta’ Kharkiv Oleh Synehubov qal li fost dawk midruba kien hemm ġurnalisti Torok. 

F’dawn l-aħħar ġimagħtejn, ir-Russja żiedet l-attakki tagħha mill-ajru fuq l-ibliet tal-Ukrajna, b’uffiċjali Ukreni jgħidu li bosta persuni mietu f’dawn l-attakki. 

Kharkiv, li tinsab 30 kilometru bogħod mill-fruntiera Russa, sofriet ħsara estensiva kawża ta’ dawn l-attakk minn meta l-President Vladimir Putin beda bl-invażjoni tal-Ukrajna fi Frar tal-2022. 

F’dan l-aħħar attakk, disa’ persuni kellhom jittieħdu l-isptar inkluż raġel ta’ 35 sena li jinsabu f’kundizzjoni serja. 

Is-Sindku tal-belt, Ihor Terekhov, ikkwotat mill-aġenzija tal-aħbarijiet tal-Ukrajna, qal li “ma kien hemm ebda militar” fil-lukanda fil-ħin tal-attakk, iżda kien hemm 30 persuna ċivili. Huwa qal ukoll li diversi djar u karozzi fil-viċin saritilhom ħsara.

Sadanittant, il-belt Russa ta’ Belgorod, intlaqtet minn missili u drones Ukreni fit-30 ta’ Diċembru li uffiċjali Russi qalu li qatlu 25 persuna ċivili.

Ekonomija

Sport