Monday, January 19, 2026

Żewġ ommijiet imwissija mill-Qorti biex ma jħallux lit-tfal jagħmlu storbju

Aqra wkoll

Il-Maġistrat Jean Paul Grech wissa żewġ ommijiet biex ma jħallux aktar lil uliedhom jagħmel aktar storbju fi blokka ta’ appartamenti f’Għawdex.

L-Ispettur Keith Xerri kien ressaq żewġ ġenituri fil-5 ta’ Awwissu tal-2024 fejn akkużhom li fix-xhur u ġranet ta’ qabel kisru l-mistrieħ tan-nies bi storbju. Il-Qorti ordnat li isem il-ġenituri ma jixxandarx biex b’hekk tiġi protetta l-identità tat-tfal.

Ir-rapport kien sar minn żewġ ġirien li jgħixu fl-istess blokka ta’ appartamenti fix-Xagħra fejn ilmentaw mill-istorbju u qalu li ġieli jibqa’ għaddej billejl.

Il-Qorti qalet li jifhem li xi kultant ma jkunx faċli li wieħed iżomm it-tfal kwieti u sostna li mhux possibbli li titfagħhom ġo bozza biex la jiċċaqilqu u lanqas jagħmlu storbju.

Il-Qorti qalet ukoll li  huwa minnu wkoll li persuna li toqgħod fi blokka li fiha numru ta’ appartamenti fejn fihom joqogħdu familji sħaħ ma tistax tippretendi li jkun hemm kwiet assolut fil-blokka.

Iżda fl-istess ħin il-Maġistrat Jean Paul Grech irrimarka li minn dak ippreżentat fil-Qorti jidher li -sitwazzjoni marret lil hinn minn kull limitu tad-diċenza u lil hinn minn dak li huwa raġjonevolment permissibbli.

“Bħala ġenituri, iż-żewġ akkużati għandhom l-obbligu li jikkontrollaw lit-tfal tagħhom u dan sal-limitu li huwa possibbli. Dan ma jirriżultawx li għamluh, anzi kif spjegaw ix-xhieda ġieli l-istorbju kien ikun ġej mill-istess akkużati u dan anke f’ħinijiet li huma riżervati għall-mistrieħ tan-nies,” qalet il-Qorti fis-sentenza tagħha.

Il-Qorti sabet lill-ġenituri ħatja tal-akkużi u illiberahom bil-kundizzjoni li ma jagħmlux reat ieħor fi żmien 3 xhur.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport