Żewġ persuni ddaħħlu l-Isptar wara li għall-ħabta tal-11:30 a.m kienu involuti f’inċident tat-traffiku li seħħ fi Triq Diċembru Tlettax fil-Marsa.
Minn investigazzjoni li saret irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn Toyota IQ misjuqa minn raġel ta’ 63 sena residenti Santa Luċija u Ford Transit misjuq minn raġel ta’ 46 sena residenti l-Isla. Passiġġier fl-ewwel karozza kien hemm raġel ta’ 50 sena residenti l-Isla.
Fil-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna liż-żewġ persuni li kienu fit-Toyota sakemm huma setgħu jittieħdu lejn l-Isptar Mater Dei għal aktar kura permezz ta’ ambulanzi li ssejħu fil-post. S’issa l-kundizzjoni tagħhom għadha mhix magħrufa. Is-sewwieq l-ieħor fortunatament ma sofra l-ebda ġrieħi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan l-inċident għadhom għaddejjin.