Wednesday, December 25, 2024

ŻEWĠ RAPPORTI

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn ALFRED SANT

Fl-aħħar jiem, ħarġu żewġ rapporti fuq suġġetti diffiċli ħafna għal min ħariġhom – suġġetti li fi żminijiet oħra kienu jitwaddbu taħt it-tapit. Fil-fatt, l-investigazzjonijiet saru għax l-iskandli li tqajmu kienu tali li ma setgħux jibqgħu jiġu njorati.

Kien hemm il-pubblikazzjoni mill-Vatikan ta’ rapport dwar il-kondotta tal-Kardinal Amerikan McCarrick. Kif seta’ jiġri li l-Papiet, wieħed wara l-ieħor matul is-snin baqgħu jagħtu stima u appoġġ lill-Kardinal meta dwaru kienu ilhom jitqanqlu rapporti ta’ abbużi sesswali qawwija?

U fl-Awstralja, il-forzi armati ħarġu rapport estensiv u dettaljat dwar l-atti ta’ vjolenza u qtil fuq ċittadini tal-Afganistan minn truppi Awstraljani stazzjonati fil-pajjiż. Kif ġraw u tħallew jiġru dawn l-atroċitajiet?

Ir-rapport tal-Vatikan hu sħiħ;  jekk saret xi ċensura fuqu, ma tidhirx. Tal-armata Awstraljana hu redatt bil-kbir, imma xorta toħroġ minnu stampa mwegħra.

Rapporti bħal dawn joħolqu xokk u jaffettwaw ħażin il-moral ta’ ħafna. Biss jekk ma jsirux, id-deni moħbi li jikxfu fi ħdan organizzazzjoni jibqa’ jnawwarha u jdgħajjifha.

MILL-ĠDID IS-SALTNA TAD-DRITT

It-tilwim dwar is-saltna tad-dritt reġa’ ħa post ewlieni fl-aġenda tal-Unjoni Ewropea. Il-Polonja u l-Ungerija qed jirrifjutaw li jaqblu mal-kompromess li laħqet il-presidenza Ġermaniża mal-Parlament Ewropew dwar kif pajjiż membru li ma jonorax il-prinċipji tas-saltna tad-dritt jitlef il-fondi li jkunu jgħajtu lilu mill-baġit tal-Unjoni Ewropea. Il-bqija tal-pajjiżi membri, ħlief is-Slovenja, qablu ma’ dal-kompromess.

Bħal f’kull polemika politika, iż-żewġ naħat jaqgħu f’logħba fejn jiddemonizzaw lil xulxin. Naħa hi max-xjaten, l-oħra mal-qaddisin.

Li l-valuri dwar is-saltna tad-dritt jintrabtu mal-programmi tal-Unjoni Ewropea jagħmel sens kbir. Li l-mod kif dil-ħaġa qed tiġi diskussa, miflija u deċiża hu politiċizzat u jippermetti manipulazzjoni partiġġjana hi evidenza oħra.

SERVIZZI FINANZJARJI

Mhux qed ikun hemm biżżejjed ċarezza dwar l-għanijiet li qed insegwu meta niġu biex nippromwovu s-servizzi finanzjarji. L-istqarrijiet sbieħ dwar it-teknoloġiji l-ġodda fl-oqsma tal-kripto u oħrajn, u s-sens ta’ kisba li nħossu għal kif is-settur finanzjarju kiber fostna, m’għadhomx biżżejjed.

Neħtieġu stqarrija ċara u ffokata tajjeb, speċjalment b’mod tekniku, dwar liema setturi tan-negozju finanzjarju qed infittxu li nattiraw: għaliex qed nagħmlu dan; kif u b’liema mezzi se nagħmlu hekk; il-vantaġġi kompetittivi li għandna u li fuqhom nistgħu nibnu; u l-valur reali miżjud għall-“klijenti” tagħna u għalina nfusna.

Onestament, ma jidhirlix li dil-ħaġa qatt saret b’mod rigoruż, jew li qed issir bħalissa. Forsi dan li wassal għal illaxkar fit-tmexxija tas-settur kollu, sakemm illum ninsabu beżgħana minn verdetti – żbaljati jew le – ġejjin minn barra dwar kif żviluppa s-settur finanzjarju.     

Ekonomija

Sport