Saturday, December 14, 2024

Żewġ studenti mill-aqwa li jattendu l-Iskola ta’ San Anton ingħataw il-Premju Achieve Sustainability

Aqra wkoll

Alexia Sant u Kate Oswald, żewġ studenti mill-aqwa li jattendu l-Iskola ta’ San Anton ingħataw il-Premju Achieve Sustainability ta’ din is-sena bi sħubija ma’ Prince’s Trust International għall-inizjattiva eċċellenti tagħhom immirata biex tgħin lill-familji tal-immigranti fit-tranżizzjoni għall-ħajja ta’ kuljum f’Malta.

Il-premju jirrikonoxxi li l-istudenti li jiggrawdwaw mill-programm Prince’s Trust International Achieve taw kontribut sinifikanti biex itejbu s-sostenibbiltà fil-komunità tagħhom. Prince’s Trust International taħdem biex tappoġġja liż-żgħażagħ f’aktar minn 18-il pajjiż permezz ta’ impjegabilità, edukazzjoni u intrapriża. Imwaqqfa fl-2015 mill-Maestà Tiegħu r-Re Karlu III, dak iż-żmien Il-Prinċep ta’ Wales, l-organizzazzjoni s’issa appoġġat aktar minn 75,000 żagħżugħ.

Permezz tal-proġett tagħhom ‘Helping Migrant Youths’ Alexia u Kate wrew impenn eċċezzjonali għas-sostenibbiltà u s-servizz komunitarju. Il-proġett tagħhom involva l-ġabra u d-donazzjoni ta’ oġġetti riutilizzabbli bħal kartolerija, kotba, logħob u ħwejjeġ lil organizzazzjoni mhux governattiva li tgħin lill-familji tal-immigranti.

Minbarra li offra tali appoġġ lill-komunità tal-immigranti, il-proġett iffoka wkoll fuq ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid ta’ kemm jista’ jkun oġġetti fi sforz biex jitnaqqas l-iskart. L-istudenti u l-għalliema ġew imħeġġa jġibu magħhom kwalunkwe oġġetti li jistgħu jkunu utli għall-iskola biex jiġu magħżula u eventwalment jingħataw bħala donazzjoni. Il-proġett tant irnexxa li sar inizjattiva ta’ kull sena fl-iskola kollha.

“Aħna tassew kburin b’Alexia u Kate għas-suċċess notevoli tagħhom. L-inizjattiva tagħhom hija eżempju perfett tal-ispirtu li nistinkaw biex inrawmu permezz tas-sħubija tagħna ma’ Prince’s Trust International. Il-proġett tagħhom mhux biss ifittex li jgħin lin-nies fil-komunità, iżda jagħmel dan b’mod li jkun sostenibbli, filosofija li aħna f’HSBC nemmnu fiha,” qal Geoffrey Fichte, Uffiċjal Kap Eżekuttiv f’HSBC Malta.

Alexia u Kate użaw il-ħiliet u r-riżorsi li kisbu mill-programm Achieve biex jagħmlu impatt sinifikanti fuq il-komunità lokali tagħhom u b’hekk, urew kif is-sostenibbiltà u l-altruwiżmu jistgħu jingħaqdu flimkien biex joħolqu proġett li jibbenefika kemm l-ambjent u kif ukoll lill-oħrajn.

“Aħna għażilna dan il-proġett għax kien il-mod perfett biex ngħaqqdu żewġ moduli li ħadna gost naħdmu fuqhom li għenuna nifhmu kemm huma importanti għal kulħadd biex ikunu konxji,” qalet Alexia. Kate żiedet, “Il-ġabra ta’ dawn l-oġġetti kollha, u meta rajna kemm nies kienu lesti li jagħtu donazzjoni, jagħmilni kburija li ngħid li jien waħda min-nies li bdew din l-inizjattiva!”

L-Achieve Sustainability Award huwa xhieda tax-xogħol iebes, tal-kreattività u tad-dedikazzjoni ta’ dawb it-tfajliet biex jagħmlu differenza fil-komunità tagħhom. Il-kisba tagħhom hija eżempju mill-aqwa tal-impatt li ż-żgħażagħ jistgħu jagħmlu meta jingħataw is-setgħa bil-ħiliet u l-opportunitajiet it-tajba.

Ekonomija

Sport