Monday, December 23, 2024

Żewġ Surġenti mit-Taqsima tat-Traffiku mhux ħatja li abbużaw mill-extra duties

Aqra wkoll

Is-Surġenti Matthew Azzopardi ta’ 46 sena u Francis Larry Sciberras ta’ 51 sena li kienu jaħdmu fit-taqsima tat-traffiku mal-Korp tal-Pulizija, ma nstabux ħatja ta’ frodi u dikjarazzjonijiet foloz b’rabta mal-extra duties għall-kontroll tat-traffiku li kienu miftehma jagħmlu fuq numru ta’ proġetti infrastrutturali fl-2019.

Iż-żewġ Surġenti kienu bdew jiġu investigati wara allegazzjonijiet li saru minn persuna anonima. F’dawn l-allegazzjonijiet kien hemm li kien qed isir serq ta’ fjuwil, skartar fuq il-post tax-xogħol, towing ta’ dgħajjes fuq l-idejn u ħlas ta’ protection money. Il-pulizija kienu investigaw l-aktar dwar allegat skartar fuq il-post tax-xogħol li skont il-persuna anonima kien qiegħed isir mill-uffiċjali tal-Pulizija fis-Sezzjoni tat-Traffiku li kienu jiġu allokati voluntary extra duty.

Il-Prosekuzzjoni quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello qalet li l-akkużati kienu parteċipi f’komplott organizzat u maħdum b’mod tajjeb minn diversi uffiċali tat-Taqsima tat-Traffiku fil-Korp. Qalu dawn kienu b’qerq jitħallsu għal extra duty li ma jkunux wettqu. Skont dak ippreżentat fil-Qorti dawn l-extra duties kienu jiġu ordnati minn Transport Malta fi żmien meta kien qiegħed siir il-proġett tal-bini tal-flyovers tal-Marsa u proġetti oħra li kienu qed jitwettqu minn Infrastructure Malta.

Il-Prosekuzzjoni qalet li għal diversi drabi l-imputati ma kinux ikunu fuq il-post tax-xogħol fejn kellhom ikunu stazzjonati.

Kien allegat ukoll li kienu jaħdmu extra duty waqt il-ħin tax-xift normali tax-xogħol u kien jirċievu l-ħlas huma stess għall-extra duty meta f’każijiet li l-extra duty jinħadem waqt ħin normali tax-xogħol, għax ma jkunx hemm biżżejjed pulizija, dan imur għand il-Korp tal-Pulizija.

Il-Prosekuzzjoni qalet li bejnithom dawn l-uffiċjali tħallsu madwar €5,000 b’qerq.

Waqt ix-xhieda li ta Azzopardi qal li kien jaħdem extra duty meta kien jiġi allokat lilu u li kien hu stess li talab biex ma jibqax jingħata xogħol żejjed. Xehed li l-ħlasijiet tal-extra duty kien jirċevihom diversi xhur wara li jkun sar ix-xogħol u qatt ma rċieva ħlasijiet f’paga li dehru li kienu eċċessivi għall-ammont ta’ xogħol li kien jaħdem.

Kompla jixhed li waqt dan is-servizz ma kienx ikun fixed point, iżda kien ikuun idur maż-żona bil-mutur. Qal li l-iskop tal-mutur hu biex ikun jista’ jmur fil-postijiet fejn ikun hemm l-aktar traffiku.

Skont Azzopardi hu kellu struzzjonijiet biex jiżgura li ż-żona tibqa’ ħielsa mit-traffiku u qatt ma telaq jew abbanduna ż-żona fejn kien ikun xogħol.

Sciberras it-tieni Surġent akkużat ma telax jixhed, iżda ħalla stqarrija waqt li kien qiegħed jiġi interrogat. Hu kien sostna li kien jingħata struzzjonijiet ġodda biex imur jaqdi postijiet oħra fejn kienu qed isiru xogħlijiet minn Infrastructure Malta. Bħal Azzopardi, huwa qal li kien ikun bil-mutur f’postijiet differenti u li l-extra duty ma jfissirx li jrid jibqa’ l-ħin kollu f’post speċifiku.

Il-Maġistrat Rachel Montebello qalet li l-Prosekuzzjoni ma ġabitx provi li kien hemm xi komunikazzjoni u kuntatt bejn l-imputati u l-allegat moħħ wara din il-konfoffa ta’ kif ikun ġie assenjat jew ikun inħadem l-extra duty tiegħu, u lanqas xi provi ta’ xi struzzjonijiet biex ma jirraportax għax-xogħol.

jew biex jaqdu doveri ta’ extra duty waqt il-ħin normali tax-xogħol, jew jaqdu dmirijiet oħrajn mhux relatati mad-detail tal-extra duty allokat matul il-ħin tal-extra duty.

Hija ddeskriviet il-provi mressaq mill-Prosekuzzjoni bħala “fjakki wisq biex jikkonvinċu lill-Qorti” li ż-żewġ Surġenti kienu parti minn skema maħsuba biex tqarraq lill-Korp tal-Pulizija.

Il-Maġistrat fis-sentenza tagħha qalet li forsi skartaw waqt il-ħin tal-extra duty ifisser biss li l-imputati minflok wettqu dmirijiethom, baqgħu passivi, iżda żgur ma jfissirx li b’daqshekk inħolqot xi messa in xena biex jingannaw lill-Korp tal-Pulizija u jew lill-klijent, biex jemmnu li s-servizz kien qed jingħata.

Ġie nnotat ukoll kif is-sistema tal-extra duty kienet titħallas mill-klijenti tal-Korp u mhux mill-korp innifsu. Il-Maġistrat Rachel Montebello qalet li jekk xejn, jekk kien hemm min sofra xi dannu, kien il-klijent mhux il-Korp. Qalet li jekk il-klijent ħass li ma ngħatax is-servizz kien iwaqqaf is-servizz u mhux jibqa’ jitolbu .

Kien għalhekk li hija ma sabithomx ħatja u illiberathom minn kull ħtija u piena.

Ekonomija

Sport