Saturday, December 21, 2024

Żewġ tempi

Aqra wkoll

Minn ALFRED SANT

M’inix konvint li fid-diskors li qed isir dwar il-problemi ekonomiċi kbar li l-imxija tal-corona virus qed toħloq, l-affarijiet qed jitpoġġew b’mod ċar biżżejjed.

Jidhirli li l-fażi li ninsabu fiha tippreżenta kriżi ta’ tip differenti ħafna minn dik li skattat fl-2008. Dakinhar, kienet kriżi ekonomika u finanzjarja li kienet se ġġib lill-banek tad-dinja fix-xejn. Illum, ninsabu quddiem  kriżi sanitarja li qed toħnoq il-produzzjoni u l-konsum, waqt li tmarrad in-nies b’marda li tittieħed bil-kbir.

Sakemm tingħeleb l-isfida sanitarja, il-produzzjoni u l-konsum se jibqgħu taħt l-ilma. L-isforz biex jinżammu fil-wiċċ hu wieħed diffiċli, u ma nafux kemm se jtul. Imma jrid isir b’nefqa enormi ta’ flus, li fuqhom ma jista’ jkun hemm l-ebda gwadann, ħlief fil-kisba nnifisha li l-magna ekonomika ma tkunx inqerdet: tkun iddgħajfet ħafna imma baqgħet fil-wiċċ.

Hemm tidħol it-tieni fażi: matulha lill-ekonomija mikduda sew, irid jingħatalha trattament li jwassalha biex terġa’ toħloq ġid u impjiegi. Din it-tieni fażi wkoll teħtieġ ħafna flus, imma issa, wieħed jistenna li dawn jispiċċaw irendu finanzjarjament. F’tal-ewwel fażi, le.

***

BIŻŻEJJED?

Il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea, il-Bank Ewropew għall-Investiment nedew il-proġetti tagħhom għal kif se jinstabu l-fondi meħtieġa ħalli l-Ewropa tilqa’ għall-kriżi. Il-gvernijiet nazzjonali min-naħa loħra, inkluż ta’ Malta, ħarġu bil-programmi tagħhom, kollha qawwija, biex jibnu d-digi nazzjonali kontra t-tempesta.

Fost ħafna fl-Ewropa, fejn l-inkwiet żdied minħabba li d-djun tal-gvernjiet se jerġgħu jisplodu ’l fuq, żdied ukoll it-tħassib dwar jekk il-fondi kollha miġbura humiex se jkunu biżżejjed.

Fl-Istati Uniti, ġew ivvotati żewġ triljun dollaru, somma bla preċedent, bħala l-ewwel daqqa fit-tweġiba Amerikana għad-diksata tal-corona. Kif jitqabbel l-isforz Amerikan ma’ dak li qed isir fl-Ewropa fuq livell tal-Unjoni Ewropea u tal-istati membri tagħha?

***

L-ITALJA MSALLBA

It-telf enormi li sofriet u qed issofri l-Italja jesiġi mill-pajjiżi membri kollha tal-Unjoni Ewropea sforz qawwi ta’ simpatija u solidarjetà. Il-pajjiż se jibqa’ jġorr il-konsegwenzi għal snin twal anke waqt li jkun qed jaffaċċja danni ekonomiċi u soċjali kbar.

Jien li ma tantx naqbel ma’ proġetti li jdaħħlu lill-pajjiżi Ewropej f’rabtiet “federali”, f’dal-każ naqbel li Malta għandha tipparteċipa f’kull sforz Ewropew li bih tista’ tittaffa t-tbatija Taljana. Veru, aħna għandna l-gwaj tagħna, li għad jista’ jkun ħafna aqwa milli qed nipprospettaw u nittamaw bħalissa. Allura rridu nkunu prudenti.

Imma hemm żmien għall-prudenza u żmien għas-solidarjetà. Mingħajr ma nwarrbu l-prudenza, għandna nifhmu li dan żmien is-solidarjetà, li rridu nuruha ma’ ħaddieħor, skont id-daqs u l-ħila tagħna, u b’mod li jinħass.

Ekonomija

Sport