Thursday, April 25, 2024

Pulizija jiċħad l-allegazzjoni li kien hemm grupp ta’ immigranti jilagħbu l-futbol fi grawnd f’Ħal Far

Aqra wkoll

“Il-Pulizija ma tħarisx lejn uċuh, karnaġġjon, reliġjon, jew kultura, iżda tħares lejn l-interess ta’ pajjiż sħiħ biex din l-isfida tingħeleb b’għaqda u mhux firda”

Uffiċjal tal-Pulizija ċaħad l-allegazzjonijiet li saru f’filmat li ġie ppubblikat fuq il-midja soċjali, liema allegazzjonijiet jgħidu li l-Pulizija ma ħadux passi fil-konfront ta’ grupp ta’ immigranti li kienu qed jilagħbu logħba futbol fi grawnd f’Ħal Far.

L-uffiċjal tal-Pulizija kien wieħed mill-ufiċjali tal-Pulizija li marru fuq il-post biex jinvestigaw l-allegazzjonijiet li saru u saħaq li l-grawnd inkwistjoni kien vojt u msakkar u li għaldaqstant dak allegat ma kienx minnu.

L-allegazzjonijiet saru wara li l-awtoritajiet ħabbru direttivi li ma jippermettux lil gruppi ta’ aktar minn tliet persuni fil-miftuħ, bil-konsegwenza li jekk din id-direttiva l-Pulizija joħorġu multa ta’ €100 lil kull persuna li tkun f’tali grupp ta’ erba’ persuni jew aktar.

Intant l-uffiċjal tal-Pulizija kompla jisħaq li hekk kif tipprovdi l-liġi tajjeb li jkun iċċarat li l-ebda persuna, bl-ebda mod, ma tista’ xxerred jew twassal xi tip ta’ informazzjoni li ma tkunx korretta, jew li tkun qarrieqa, lill-pubbliku bi kwalunkwe mezz.

L-uffiċjal tal-Pulizija temm jisħaq li f’dan il-mument partikolari jemmen li aktar milli l-poplu jiġi allarmat, aktar huwa meħtieġ li jiġi edukat u mgħarraf bil-prekawzjonijiet kollha possibbli. “F’dan il-mument tant diffiċli għad-dinja, aħseb u ara għal pajjiżna, hemm bżonn aktar ta’ għaqda milli firda.”

“Il-Pulizija ma tħarisx lejn uċuh, karnaġġjon, reliġjon, jew kultura, iżda tħares lejn l-interess ta’ pajjiż sħiħ biex din l-isfida tingħeleb b’għaqda u mhux firda,” huwa temm jgħid.

Sport