Kif wieħed seta’ jistenna, ir-“riforma” li biha biex jimtlew ċerti karigi għolja tal-istat kellu jkun hemm vot favur ta’ żewġ terzi fil-Parlament kienet waħda fażulla għall-aħħar. Ma hi xejn anqas minn nassa biex jinħolqu kriżijiet politiċi li ftit jagħmlu sens. Anzi jservu l-aktar biex joħolqu ħsara fl-istituzzjonijiet tagħna.
L-istorja moderna tal-pajjiż turi ċar kemm hu diffiċli biex it-tensjonijiet partiġġjani u personali jingħelbu meta jridu jsiru ħatret delikati u prestiġjużi. L-istess problema tinsab f’pajjiżi oħra, bla dubju.
Hu minnu li l-metodi li bihom kienu jiġu appuntati ħatriet kostituzzjonali fl-imgħoddi kienu arbitrarji jew ipokriti – bħal fit-twettiq ta’ “konsultazzjoni” bejn gvern u oppożizzjoni.
Imma biex ningħoġbu mal-“Ewropej” daħħalna metodu li għal darba wara l-oħra, se jimbotta lil kulħadd lejn sqaq, bla ebda salvagwardja għal kif tista’ toħroġ minnu, jekk mhux bi qbil “universali” impossibbli. L-ebda sistema politika oħra ma tgħabbiet b’dal-piż. Il-kontroversja dwar min se jilħaq Prim Imħallef tista’ ssib xi soluzzjoni.
Warajha xorta se jiġu oħrajn u oħrajn fejn l-istess problema terġa’ titqanqal…
L-AKTAR PARTIT POPOLARI
Tassew inkwetanti kif fil-Ġermanja, l-aktar partit politiku popolari issa sar dak tal-lemin estrem – l-AFD. Mhux id-demokristjani, is-soċjalisti jew il-ħodor. Waħidhom għad m’għandhomx maġġoranza, imma l-mod kif qed ikabbru l-appoġġ tagħhom qed iħajjar lil politikanti tal-lemin biex jaċċettaw alleanzi mal-AFD.
Sadattant, l-amministrazzjoni Trump mhijiex toqgħod lura milli turi l-appoġġ ideoloġiku tagħha għall-AFD. Tqis li dal-partit għandu l-istess istinti u prinċipji bħal tal-moviment MAGA fl-Istati Uniti. Fi żjara reċenti ta’ parlamentari Ġermaniżi fl-Istati Uniti, il-ministeru tal-affarijiet barranin Amerikan, l-iState Deparment irrifjuta laqgħa ma’ rappreżentanti tas-soċjalisti u tal-ħodor. Ried biss kliem ma’ rapprezentanti tal-AFD u ta’ partiti leminin. L-Istati Uniti qed jitilfu pass wara pass, il-kredenzjali liberali tagħhom.
ĠENNA MITLUFA
Ħabib tiegħi qalli: Il-mod kif qed tiżviluppa x-xena politika internazzjonali qed iddaħħalna fl-univers tal-poeta Milton fil-poema tiegħu “Il-Ġenna Mitlufa.” Il-bidliet li qed iseħħu, jemfasizzaw mhux ir-rispett ta’ liġijiet ġusti, imma rispett lejn min għandu l-qawwa. Qed jippreżentaw lix-xitan bħala l-veru eroj tad-dinja. Fir-rewixta tiegħu u tal-anġli li jsegwuh, jitlef mhux għax kellu jew ma kellux raġun, imma għax spiċċa l-aktar dgħajjef.
Imbagħad, minflok ma tmewwet u aċċetta t-telfa tiegħu, baqa’ jisfida.
Effettivament, għalkemm Milton kien Nisrani (Protestant) ġenwin, fil-poema tiegħu, spiċċa għamel eroj minn Satana. Dan aċċetta li min għandu l-qawwa għandu r-raġun, imma jibqa’ jisfida. U llum, qed naraw il-“valuri” ta’ min ipoġġi l-fiduċja tiegħu fil-qawwa u fil-forza jingħataw l-akbar piż fid-deċiżjonijiet li jittieħdu.

