Il-Qorti ħatret żewġ esperti tas-saħħa mentali sabiex jeżaminaw żewġ tfajliet li kienu allegaw li ġew abbużati mis-sieħeb t’ommhom. Dan wara li kienu kkuntattjaw social worker biex jirtiraw l-akkużi tagħhom.
Dan ħareġ hekk kif quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit kompliet il-kumpilazzjoni kontra raġel ta’ 40 sena li jinsab mixli li kkorrompa żewġ tfajliet, ta’ 12 u 15-il sena rispettivament, li pparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ persuni taħt l-età u li allegatament wettaq reati sesswali fuq persuni vulnerabbli.
Fuq il-pedana tax-xhieda, il-ħaddiema soċjali spjegat li l-investigazzjoni bdiet wara li d-Direttorat għall-Ħarsien tat-Tfal irċieva telefonata anonima minn mara li qalet li t-tifla tal-ħabiba tagħha kienet fetħet qalbha magħha li allegatament kienet abbużata mis-sieħeb t’ommha meta kellha 10 snin.
Il-ħaddiema soċjali marru l-iskola tat-tifla u bagħtu għaliha. Imbagħad ikkuntattjaw lill-pulizija u ċemplu lil omm it-tifla għall-interrogazzjoni. Omm it-tfal ripetutament qalet lill-pulizija li żewġha “mhux dik it-tip ta’ persuna” u li t-tfal kienu qed jigdbu.
Jumejn wara li r-raġel tressaq il-Qorti, il-ħaddiema soċjali rċeviet telefonata mit-tifla ta’ 15-il sena, li qalet li riedet tkellimha b’urġenza minħabba li dak li qalitilhom kien kollu gideb.
Permezz ta’ video conference, it-tfajliet xehdu u qalu li kienu vvintaw l-allegazzjonijiet ta’ abbuż minħabba li r-raġel kien qed ikun strett wisq magħhom. It-tifla l-kbira qalet li kienu għamlu rapport falz għax ommhom kienet iffissata fuq l-akkużat li kien juża ċertu dixxiplina magħhom u jitfilhom il-WiFi bħala kastig.
Hija qalet li kienet gidbet lis-social worker u lill-pulizija, fejn ammettiet fil-fatt li qatt ma kienet abbużata mir-raġel t’ommha. Spjegat li ddeċidiet li titkellem għax “l-affarijiet kienu twalu wisq” u li qatt ma ħasbet li kien se jkun hemm dawn il-konsegwenzi. Qalet ukoll li lanqas kienet konxja ta’ xi allegat abbuż mill-akkużat fuq oħtha ż-żgħira.
Din tal-aħħar xehdet ukoll li hija kienet parteċipi fil-pjan ta’ oħtha mill-bidu nett u allegat mas-social worker u l-pulizija li kienet ġiet abbużata mis-sieħeb t’ommha f’okkażjoni waħda. Hija nsistiet li kienet gidbet fuqu minħabba li kienu jargumentaw fuq affarijiet insinjifikanti, iżda issa kienet qiegħda tgħid il-verità.
Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, il-Maġistrat Stafrace Zammit appuntat żewġ esperti – psikologu u psikjatra – sabiex jeżaminas liż-żewġ tfajliet qabel jittieħdu passi oħra.
L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għar-raġel.