Kull sena fit-13 ta’ Diċembru, bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum ir-Repubblika f’Malta, issir ċerimonja uffiċjali għall-preżentazzjoni tal-Midalji għal Servizz Eċċellenti. Din hija waħda mill-attivitajiet ewlenin ta’ din il-ġurnata speċjali.
Il-Midalja għal Servizz Eċċellenti tingħata lil individwi li jkunu taw kontribut straordinarju lil Malta jew lis-soċjetà Maltija, kemm f’servizz pubbliku kif ukoll f’oqsma oħra bħall-edukazzjoni, il-kultura, is-saħħa, ix-xogħol volontarju, jew oqsma oħra ta’ dedikazzjoni kbira.
It-tqassim tal-midalji sar mill-President tar-Repubblika l-Eċċellenza tagħha Myriam Spiteri Debono waqt ċerimonja solenni fil-Palazz tal-Belt Valletta, bil-parteċipazzjoni ta’ persuni distinti u awtoritajiet pubbliċi.
Fost dawk li ngħataw dan ir-rikonoxximent kien hemm dawk li ngħataw l-Ordni Nazzjonali tal-Mertu fosthom Dott Joseph Francis Grima UOM.
Dott Joseph F. Grima huwa storiku li twieled fl-1945 u rċieva l-edukazzjoni tiegħu fl-Università ta’ Malta fejn iggradwa Baċċellerat bl-Unuri, Maġisteru aktar tard, segwa b’Dottorat sakemm fl-1987 huwa akkwista wkoll diploma fl-immaniġjar u l-amministrazzjoni tal-edukazzjoni.
Il-kontribuzjoni tiegħu fl-Istorja ta’ Malta hija estensiva fejn ippubblika għadd ta’ artikli f’ġurnali prominenti. Ix-xogħol tiegħu kixef diversi aspetti tal-imgħoddi ta’ Malta.
Dott Joseph Zarb Adami UOM wkoll kien ippreżentat dan il-ġieħ. Dott Joseph Zarb Adami huwa figura prominenti fil-qasam mediku Malti, l-iktar minħabba l-kontribut tiegħu fil-qasam tal-amnestesija matul karriera ta’ aktar minn 40 sena.
Il-karriera tiegħu kienet immarkata minn impenn qawwi lejn titjib kontinwu tal-istandards tal-kura tas-saħħa u l-ħarsien tal-prattiki etiċi fil-qasam mediku. Barra minn hekk hu kien figura prominenti fl-inizjattivi tas-saħħa pubblika u fil-proċess tat-tfassil tal-politika tas-saħħa f’Malta.