Sunday, December 22, 2024

“Żewġ vapuri ġodda, wieħed biex inbiddlu dak l-karrakka u l-ieħor għall-merkanzija”

Aqra wkoll

Waqt rally ieħor mill-kampanja elettorali tiegħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech beda biex jirringrazzja lil dawk kollha li qegħdin jilqgħuh kull fejn imur.

Waqt l-attività mix-Xagħra, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li minn dejjem apprezza l-valuri u l-prinċipji li jagħmluna umani u jgħinuna biex nibżgħu għal xulxin.

Grech qal ukoll li filwaqt li aħna ninsabu siguri, fl-istess ħin hemm pajjiż ieħor ewropew li minflok għandu n-nies li qegħdin jippruvaw iwasslu messaġġ, għandu poplu li qiegħed jipprova jwaqqaf invażjoni.

Grech mill-ġdid sostna li l-Prim Ministru għandu jwaqqaf minnufih l-applikazzjonijiet kollha pendenti ta’ ċittadini Russi u ma jilqax applikazzjonijiet oħra. Grech qal li pajjiżna għandu l-obbligu li juri internazzjonalment li l-poplu Malti jħaddan valur li juri li qiegħed jappoġġja poplu ieħor. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista mill-ġdid appella lill-Prim Ministru biex irattab qalbu.

Huwa qal li kulħadd qiegħed jibat messaġġ ta’ appoġġ billi jew irtira li ma jilgħabx logħba futbol, min waqqaf sponsorship u oħrajn waqqfu ċertu ċittadini milli jidħlu fil-pajjiż minkejja li huma biljunarju biex joħorġu jdejhom u juru li dak li qiegħed isir mhuwiex aċċettabbli.

Grech sostna mill-ġdid li dan il-partit mhuwiex lest biss għall-kampanja elettorali, iżda wkoll biex jiggverna jekk kemm-il darba jingħata l-fiduċja biex jagħmel dan.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-mument li taqa’ l-maskra jibda jidher t-tinwir u meta taqa’ l-faċċata u l-kisi tal-ħajt jidher l-umdità.

“Illum, kull ġurnata, aktar u aktar nies qegħdin jgħidulna li llum qegħdin jindunaw li l-labour huma biss faċċata. Ikollok nies u jkellmuk. Għadu kif kien hawn raġel qalli l-labour fdajthom imma daħku bija u tefagħli responsabbiltà kbira u qalli issa se nafda lilek titradinix”, kompla jgħid Grech filwaqt li wiegħed li se jkun qiegħed iżomm il-wegħda tiegħu.

Huwa kompla biex jgħid li għal dan il-gvern is-sens komun ma jeżistix. Fakkar li bħalma bena tliet vapuri, il-Partit Nazzjonalista lest li jżid l-aċċessibbiltà bejn iż-żewġ gżejjer. Hawnhekk ħabbar li biex iżid l-aċċessibbiltà gvern Nazzjonalista se jkun qiegħed ikabbar il-port tal-Imġarr.

Barra minn hekk gvern Nazzjonalista se jkun qiegħed jinvesti f’żewġ vapuri ġodda. Wieħed biex jibdel wieħed eżistenti li skontu mhuwiex ta’ livell tant li sejjaħlu bħala “karrakka” u ieħor għall-merkanzija mill-Port il-Kbir għall-Port tal-Imġarr.

Ekonomija

Sport