Żewġ turisti Taljani, wieħed ta’ 17 u l-ieħor ta’ 18-il sena ammettew li kienu vvangalizzaw erba’ karozzi fis-Swieqi. Huma tressqu l-qorti b’rabta ma’ dan il-każ li seħħ għall-ħabta tal-5.00am tal-Ħamis li għadda.
Francesco Paoli ta’ 18-il sena u żagħżugħ ieħor li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-qorti minħabba li għadu taħt l-età, ġew arrestati nhar il-Ħamis li għadda filgħaxija fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta flimkien ma’ erba’ persuni oħrajn qabel ma kienu se jitilqu minn Malta. Huma ġew identifikati minn filmati tas-sigurtà.
L-Ispetturi Pierguido Saliba u Christian Xuereb qalu fil-qorti li l-imputati kienu wettqu ħsara sostanzjali fuq żewġ vetturi tal-għamla Mercedes Benz u waħda tal-għamla Fiat, kif ukoll ħsara iżgħar fuq vettura oħra Fiat. Kienu mixlija wkoll li kisru l-paċi pubblika u kienu fis-sakra.
Il-minuri waħdu kien mixli li kien żamm għalih oġġetti ta’ ħaddieħor, li neża’ jew ma kienx liebes xieraq, u li libes maskra f’post pubbliku. Dan peress li ħataf elmu minn mutur u libsu, kif ukoll tefa’ flokk fuq rasu biex ma jingħarafx.
L-Ispetturi spjegaw fil-Qorti x’wassal għall-arrest tal-imputati. Spjegaw li l-pulizija ta’ San Ġiljan fl-20 tax-xahar li għadda kienu irċevew ilment bit-telefon dwar għadd ta’ karozzi, tlieta li kienu vvandalizzati fit-triq l-Ilqugħ.
Spjegaw li dawn kienu mwettqa minn gruppi ta’ żagħzagħ li dehru jkissru il-mirjiet. Minn filmati ta’ CCTV, il-pulizija nnotaw f’liema residenza daħlu ż-żgħżagħ wara li wettqu l-attakk.
Sadanittant, il-Prosekuzzjoni spjegat li minn dak il-ħin irċeviet ukoll rapport minn persuna oħra li rrapportat li anke l-karozza tiegħu kienet spiċċat fil-mira taż-żgħżagħ. Qal li anke lilu kienu kissrulu waħda mill-mirja tal-karozza.
L-Ispetturi qalu li Paoli kkopera bis-sħiħ iżda l-minuri eżerċita d-dritt għas-silenzju.
Iż-żewġ żgħażagħ, li huma studenti, ammettew l-akkużi. Il-Prosekuzzjoni u d-Difiża qablu li l-ħsarat jammontaw għall- €2,021; ammont li l-avukati qalu li ż-żewġ akkużati kienu lesti li jħallsu issa stess.
L-avukati difensuri Alessandro Felice u Chris Busietta, qalu fil-Qorti li l-imputati kienu qed jirikonoxxu l-iżball, jiddispjaċihom għar-reati u qed jitolbu skuża mingħajr kundizzjoni lis-sidien tal-vetturi u lir-residenti kollha tas-Swieqi.
Il-Prosekuzzjoni qalet li qed tinnota l-fatt li huma minuri u li Paoli kkopera mal-pulizija. Qalu li qed jistrieħu fuq id-deċizjoni tal-Qorti u ma jirrakkomandawx sentenza ta’ priġunerija effettiva.
Il-Maġistrat Gianella Camilleri Busuttil ikkundannat lil Paoli għal għaxar xhur ħabs sospiżi għal sentejn, filwaqt li l-minuri weħel sentenza ta’ 8 xhur ħabs sospiżi għal sentejn.
