Ilbieraħ, għall-ħabta tal-11:30 p.m, żewġ żgħażagħ feruti daħlu l- għassa tal-Belt Valletta wara li kienu involuti f’argument fi Triq il-Lanċa, il-Belt Valletta.
Minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li kien seħħ argument bejn xi persuni u ż-żewġ żgħażagħ ta’ 20 u 21 sena residenti l-Imtarfa sofrew xi ġrieħi. Wieħed minnhom kien allegatament safa’ aggredit b’oġġett bil-ponta u li jaqta’.
Iż-żewġ żgħażagħ ittieħdu fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana għall-aktar kura, fejn aktar tard il- ġuvni ta’ 21 sena ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ħfief filwaqt li l-ġuvni ta’ 20 sena ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
Dwar dan il-każ qed jinżammu żewġ żgħażagħ Sirjani, wieħed ta’ 19-il sena residenti l-Furjana u ieħor ta’ 20 sena residenti l-Marsa għal aktar stħarriġ.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.