Thursday, October 17, 2024

Żewġt aħwa nisa mixlija li daħħlu f’pajjiżna 4kg kokaina

Aqra wkoll

Żewġt aħwa nisa mill-Veneżwela nżammu arrestati wara li wieġbu mhux ħatja għal akkużi dwar importazzjoni u pussess ta’ erba’ kilogrammi kokaina li nstabu fil-bagalji tagħhom fl-ajruport.

Anna Valeria de Valle Lezama Guevara, studenta ta’ 18-il sena, u Yennifer Carolina Rendon Guevara ta’ 29 sena u li taħdem bħala ‘beautician’, tressqu lbieraħ quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco.

Huma kienu twaqqfu mill-uffiċjali tad-Dwana mal-wasla tagħhom f’Malta wara li qam suspett fuqhom u ma kinux qegħdin jikkoperaw. Wara tfittxija fuqhom, il-Pulizija sabet madwar 4kg sustanza suspettata kokaina, b’valur fit-triq ta’ madwar €400,000.

Iż-żewġ nisa ċaħdu li tressqu fil-konfront tagħhom iżda baqgħu jinżammu arrestati wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti laqgħet ukoll it-talba biex jiġu ffriżati l-assi tagħhom.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Marshal Mallia filwaqt li għall-imputati deher l-Avukat Noel Bianco.

Sport