Żewġt irġiel kienu akkużati bi qtil wara l-isparatura li seħħet il-ġimgħa li għaddiet waqt il-parata tas-Super Bowl f’Kansas City.
F’dan il-każ inqatlet mara u 22 oħra ndarbu, bil-pulizija temmen li l-każ kellu l-bidu tiegħu wara argument bejn żewġt irġiel.
L-irġiel, li ġew identifikati bħala Dominic Miller u Lyndell Mays, intlaqtu wkoll minn tiri u sfaw midruba fl-inċident.
Il-Prosekutur Jean Peters Baker ta’ Jackson County qal li ż-żewġt irġiel kienu qed jiġu akkużati bi qtil tat-tieni grad u użu illegali ta’ armi fost oħrajn. Qed ikun allegat li Mays kien il-persuna li beda l-argument u allegatament ħareġ pistola.
Persuni oħra mbagħad ħarġu armi oħra waqt l-inċident. Fost dawn kien hemm Miller, li l-prosekuturi jemmnu li kien huwa li spara u qatel lil Lisa Lopez Galvan ta’ 43 sena. Wara dan l-inċident, iż-żewġ akkużati kienu ttieħdu wkoll l-isptar għall-kura minħabba xi ġrieħi li sofrew.
Il-familjari tal-vittma qalu fi stqarrija li kienu grati għall-arrest taż-żewġ suspettati. “Għalkemm dan mhux se jġib lura lill-maħbuba tagħna Lisa, huwa ta’ faraġ li tkun taf li l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Jackson County u l-KCPD għamluha prijorità ewlenija li jfittxu ġustizzja għal Lisa, il-vittmi l-oħra tal-isparatura, dawk li esperjenzaw din it-traġedja u l-komunità ta’ Kansas City.”