Wara diversi ġimgħat t’osservazzjoni, aktar kmieni llum, il-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d Droga assistiti mill-Pulizija tal-iSpecial Intervention Unit (SIU) u tar-Rapid Intervention Unit (RIU), wettqu operazzjoni kontra t-traffikar tad-droga fi Triq Melita, Raħal Ġdid.
Fl-imsemmija triq, il-pulizija interċettataw vettura li kienet qiegħda tinstaq minn raġel ta’ 40 sena residenti l-Ħamrun u passiġġier miegħu, kien hemm ukoll raġel ta’ 29 sena residenti Raħal Ġdid. Minn tfittxija li saret fil-vettura u fuqhom, instabu madwar 2 Kilogrammi sustanza suspettata droga kokaina, ċwievet ta’ karozzi u iżjed minn €8,500 fi flus kontanti.
Il-ħidma tkompliet f’residenza fi Triq Melita u f’garaxx fi Triq Sant’Ubaldeska Raħal Ġdid, propjetà tar-raġel ta’ 29 sena. Fid-dar instabu sustanzi suspettati kokaina u ħaxixa, madwar €100,000 f’deheb u ġojjellerija, u madwar €78,000 fi flus kontanti, filwaqt li minn ġol-garaxx, il-pulizija kkonfiskaw Range Rover Sports u Mercedes E63, li l-valur tagħhom jammonta madwar €250,000.
Il-pulizija għamlu wkoll tfittxija f’garaxx fi Triq il-Qaddiefa l-Marsa, propjetà tar-raġel ta’ 40 sena, u nstabu madwar 3.5 Kilogrammi ta’ sustanza suspetatta kokaina.
Il-valur fit-triq li kieku din id-droga kollha nbiegħet, kienet tlaħħaq €350,000. Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Marseann Farrugia LL.D ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.
L-irġiel qed jinżammu arrestati fil-Kwartieri Ġeneral tal-Pulizija, il-Floriana, u mistennija jitressqu l-Qorti taħt arrest għada b’akkużi relatati ma’ pussess u traffikar tad-droga u b’ħasil tal-flus.
L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.