Saturday, May 18, 2024

“Politika ġdida fuq ix-xogħol… is-soluzzjoni għall-futur”

Aqra wkoll

Jgħid dan il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana

Minn Victor Vella

Meta ninsabu ftit jiem biss bogħod mindu tasal f’pajjiżna it-tilqima kontra l-Covid19, ħafna miċ-ċittadini qegħdin mill-ġdid iħarsu lejn il-futur. Lejn ix-xhur li ġejjin. It-tama hi li fi żmien mhux daqstant il-bogħod nirritornaw għal ħajja normali. F’intervista ma’ Inewsmalta, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana,  meta mistoqsi dwar is-soluzzjonijiet għal futur iddikjara bla tlaqlieq li s-soluzzjoni għal futur hu ‘li tikber l-ekonomija u li ttejjeb dak li għandek huwa pożittiv, sakemm dan jibqa’ fil-limitu ta’ x’inhu possibbli fiżikament. Naħseb kulħadd jaqbel li pajjiżna għandu limitu kemm jiflaħ bħala nies. Nemmen li t-triq tal-futur hija li niffukaw iżjed fuq l-produttività u l-valur tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Dan jista’ jsir billi ntejbu l-ħiliet tagħhom. Il-pajjiżi li huma relattivament żgħar u sinjuri fid-dinja u li m’għandhomx riżorsi naturali, bħal Singapore u l-Lussemburgu, waslu fejn waslu għax joffru valur għoli tal-ħaddiema tagħhom. Pajjiżna ma jgħix ġo vacuum, iżda jgħix u jikkompeti ma’ pajjiżi oħra biex jiġbed l-investiment u x-xogħol. L-istess irridu nagħmlu aħna, u propju għalhekk nemmen li t-titjieb fil-ħiliet għandhom ikunu l-pilastru ewlieni fl-istrateġija ekonomika għas-snin li ġejjin. Inħares ‘il quddiem biex minn Jannar li ġej nibdew niddiskuti mal-istakeholders kollha din u ħafna ideat oħra fuq Employment Policy ġdida.”

Ftit wara li ħadt il-kariga, il-Professur Scicluna qal li l-Prim Ministru ma setgħax jagħmel għażla aħjar għall-Ministru tal-Finanzi. Kif ħassejtek meta ġejt afdat b’din il-kariga?

Mal-Prof. Scicluna ħdimt mill-viċin matul din is-sena fl-irwol preċedenti tiegħi ta’ Kap tas-Segretarjat tal-Prim Ministru f’Kastilja. Kienet sena mimlija b’ħafna sfidi u b’pandemija li ġabet realtajiet ekonomiċi u finanzjarji ġodda. 

Iżda minkejja dan kollu, kien ta’ sodisfazzjon kbir li nagħti l-kontribut tiegħi fil-ħidma tal-Gvern mal-Prof Scicluna. Ir-riżultati li ġab il-Prof Scicluna fil-finanzi ta’ pajjiżna u t-tkabbir ekonomiku b’saħħtu bla preċedent li kellna matul dawn l-aħħar snin jitkellmu waħedhom. Se nkun qed naħdem biex intejjbu iktar fuq dak li bena l-Prof Scicluna. 

X’verdett tagħti lill-Gvern għal din is-sena? 

Bħala persuna li ħdimt viċin il-Prim Ministru matul din is-sena, konna qed naraw quddiemna sena bħall-oħrajn, fejn inkomplu b’mod normali il-ħidma tal-Gvern. 

Però dan ma kienx hekk. F’daqqa waħda ridna naffaċċjaw pandemija devastanti li ħasdet lil kulħadd. Kellna quddiemna tliet sfidi prinċipali f’din il-pandemija: dik tas-saħħa, tal-impjiegi u dik finanzjarja. Naħseb li saret biċċa xogħol tajba ħafna fit-tlieta li huma. 

Fuq liema distrett ser tkun qed tikkontesta l-elezzjoni ġenerali? 

Bħala persuna li twelidt u trabbejt Ħaż-Żabbar, fejn anke servejt bħala Sindku tal-lokal, l-għażla naturali tkun it-Tieni Distrett. 

It-Tieni Distrett huwa magħruf bħala fortizza tal-Partit Laburista, u inti se tkun wiċċ ġdid fil-lista ta’ kandidati. X’tikkummenta fuq dan?

Iva, it-Tieni Distrett huwa minn fejn twieled il-Partit Laburista u minn fejn dejjem sab appoġġ kbir. L-għanijiet tiegħi tal-lum m’humiex ‘il bogħod mill-għanijiet oriġinali tal-Partit, dik li naraw li jkun hemm ġustizzja soċjali u li noffru għejxien lill-familji tal-ħaddiema tagħna. Il-mod kif jiġu attwati dawn il-valuri inbidel maż-żminijiet iżda nemmen li r-relevenza tagħhom għadha hemm u għadha b’saħħitha ħafna.

Il-ħaddiema llum jaspiraw ħajja diċenti għall-familji tagħhom, b’impjieg dinjituż u rispettabbli u li l-ġid li jinħoloq f’dan il-pajjiż jitqassam b’mod ekwu. Il-principji u l-valuri ta’ missirijietna jibqgħu hemm, iżda mportanti ukoll jiġu implimentati f’politika relevanti u tanġibbli għaż-żminijiet tal-lum. Bil-valuri biss ma naslux. In-nies iridu jaraw id-differenza f’ħajjithom ukoll. 

X’inhi l-ewwel prijorità għalik fl-irwol ġdid tiegħek ta’ Ministru tal-Finanzi u x-Xogħol? 

L-ewwel prijorità hi bla dubju x-xogħol tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Irridu naraw li l-ħaddiema jibqgħu f’xogħolhom waqt dan iż-żmien diffiċli tal-pandemija. Torbot ma’ din irridu nibqgħu nagħtu l-għajnuna finanzjarja li hemm bżonn biex is-settur privat jingħata l-ossiġinu meħtieġ biex jgħix dawn ix-xhur diffiċli. 

L-indikazzjonijiet huma li l-vaċċin se jibda jnaqqas l-impatt ta’ din il-pandemija fi ftit żmien. Dan se jkun kruċjali sabiex in-negozji tagħna jkunu f’qagħda tajba biex jerġgħu jibdew idawwru r-rota u fl-istess ħin iżommu, u forsi anke jtejbu, l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tagħhom. 

Wieħed mill-oqsma l-iktar affettwati f’din il-pandemija kienu l-finanzi tal-pajjiż. X’inhi s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ pajjiżna f’sena fejn pandemija waqfet lil kull pajjiż fid-dinja? 

Il-verità hi li l-finanzi ta’ pajjiżna, u ta’ kull pajjiż ieħor fid-dinja, kellhom impatt negattiv. Iżda f’Malta meta tikkumpara ma’ pajjiżi oħra, il-proporzjon ta’ dejn li għandna ma kemm hi kbira l-ekonomija tagħna hu relattivament tajjeb. Dik hija importanti ħafna għal pajjiżna. 

Fejn is-soltu l-ekonomija tikber, din is-sena ma ġarax l-istess. Fl-istess ħin qed inħarsu lejn is-sena 2021 bħala sena fejn irridu naraw li l-ekonomija u x-xogħol jerġgħu jaqbdu r-ritmu. Bħala Gvern kommessi li nibqgħu ngħinu lin-negozji u l-impjiegi tal-familji tagħna, filwaqt li nżommu ċerta dixxiplina f’affarijiet oħra, bħal l-impjiegi fis-settur pubbliku. 

F’liema sens dixxiplina? 

Hemm ċerta impjiegi fis-settur pubbliku li bħala Ministru nieħu pjaċir li nara li jkun hemm finanzjament adekwat għalihom; bħal aktar edukazzjoni speċjalizzata għal tfal li jkollhom ċertu bżonnijiet u aktar sapport fil-qasam tas-saħħa u l-anzjani tagħna. 

Il-Wage Supplement se jibqa’? 

Iva, sa Marzu żgur. Għal Frar se nispjegaw dak li se jkun qed jiġri minn April ‘il quddiem, iżda li hu żgur huwa li se nibqgħu ngħinu kemm hemm bżonn lin-negozji sabiex iżommu lill-ħaddiema fl-impjieg. Bħal ma għamilna s’issa, l-familji u n-negozji se jibqħu isibu lill-Gvern magħhom. 

Il-ħaddiema barranin. Inti kont parti mill-Gvern li kien qal li għandna bżonn iżjed ħaddiema barranin. Taħseb li għad hemm bżonnhom? 

Ħaddiema Ewropej huma realtà li lanqas li kieku l-Gvern Malti irid iwaqqaf lill-ħaddiema barranin ta’ din ix-xorta, m’għandux l-awtorità legali biex jagħmel dan ġaladarba qegħdin membri tal-Unjoni Ewropeja. Il-liġijiet hekk jitolbu. Bl-istess mod, Malti ma jistax jitteħidlu d-dritt li jmur jgħix u jaħdem f’Pariġi, Ruma jew Berlin. 

Minn naħa l-oħra, hemm dawk li l-persuni li jiġu bil-permess tax-xogħol minn barra l-Unjoni Ewropeja. Dawn ikunu regolati strettament u jekk jiksru l-ftehim li għandhom ma’ pajjiżna, bħal jekk jibqgħu f’Malta wara li jiskadi l-permess, dawn jiġu deportati minnufih. Hemm ħafna każijiet minn dawn li ġew deportati għax ma żammewx mar-regoli tal-permess tagħhom. Waqt il-pandemija, pajjiżna ħallas il-passaġġ ta’ eluf ta’ persuni mhux Ewropej biex imorru lura f’pajjiżhom volontarjament jekk dawn tilfu l-impjieg tagħhom u jekk il-qagħda f’pajjizna ma rawhiex sostennibli għalihom, speċjalment bir-restrizzjonijiet li ġew imposti minħabba l-pandemija. 

Dan ifisser li hemm ċirkostanzi li nistgħu nirregolaw, u oħrajn le. Il-ħsieb tal-Gvern li jaċċetta iżjed applikazzjonijiet ta’ third-country nationals f’dawn l-aħħar seba’ snin kien sabiex in-negozji jkunu jistgħu iżidu l-produttività u sabiex l-ekonomija tikber b’rata b’saħħitha. Qabel il-Covid-19 kont tisma’ ħafna negozjanti ifittxu n-nies għaliex ma setgħu jimlew il-postijiet tax-xogħol tagħhom f’ċertu oqsma. 

Temmen li l-Gvern sab bilanċ bejn il-ħaddiema barranin u s-sostennibilità? 

Jekk nilbes il-kappell ta’ Ministru tal-Finanzi ngħid li kieku ma kellniex it-tkabbir ekonomiku li kellna matul l-aħħar seba’ snin, kieku konna insibuha ferm iżjed diffiċli biex ninvestu dak li investejna fis-settur tas-saħħa waqt il-pandemija. Pajjiżi kbar u sinjuri ferm iżjed minnha affaċċjaw realtà li trid titkarrab biex tagħmel swab test, filwaqt li f’pajjiżna kellna servizz tas-saħħa impekkabbli. Dan stajna nagħmluh għax fl-aħħar snin konna bil-għaqal u tnaqqas id-deficit. 

Il-flus kienu bżonnjużi ukoll biex niffinanzjaw l-wage supplement li permezz tiegħu żammejna lill-ħaddiema f’xogħolhom. S’issa infaqna kważi nofs biljun ewro f’għajnuniet diretti biex ngħinu lin- negozji jżommu lill-ħaddiema. It-tkabbir ekonomiku flimkien mas-surpluses konsekuttivi li rnexxielna nagħmlu matul dawn l-aħħar snin ippermettew lill-Gvern sabiex jagħti din l-għajnuna kollha. 

Iżda hija sikkina li taqta’ minn żewg naħat. Fl-aħħar snin rajna wkoll ħaddiema b’ħiliet baxxi jiffaċċjaw iżjed kompetizzjoni fis-suq u b’hekk sabuwha iżjed diffiċli jżidu l-paga tagħhom. Dan minkejja l-għajnuniet kollha li għamel il-Gvern bħal dik tal-Inwork Benefit, li żdiedet u twessgħat propju għal dan il-għan. Tgħidli x’differenza hemm bejn paga u dħul addizzjonali bħal in-work benefit? It-tnejn jidħlu fil-kont tall-bank u t-tnejn li huma jgħinuk tgħajjex lill-familja, iżda jekk wieħed imur il-bank biex jieħu loan sabiex jixtri propjetà, l-bank se jikkunsidra biss il-paga b’konsegwenza li jaf ma jkunx biżżejjed biex tinxtara l-propjetà. 

Fis-snin li għaddew rajna wkoll sfidi fl-iskejjel fejn dawn bdew jaffaċjaw diffikultajiet sabiex ilaħħqu mad-domanda ta’ studenti barranin. Barra minn hekk rajna żieda ta’ dawn il-ħaddiema f’ċertu lokalitajiet li ikkawżat intensità fuq il-bżonnijiet infrastrutturali ta’ pajjizna. Rajna wkoll sfidi soċjali f’ċertu żoni. Għalhekk, jekk kelli imbagħad nilbes il-kappell ta’ membru tal-Partit Laburista ngħid li stajna għamilna ħafna iktar biex nifhmu iżjed, u ntaffu, l-impatt soċjali ta’ dan it-tkabbir b’saħħtu. 

X’inhi s-soluzzjoni għall-futur? 

Li tikber l-ekonomija u li ttejjeb dak li għandek huwa pożittiv, sakemm dan jibqa’ fil-limitu ta’ x’inhu possibbli fiżikament. Naħseb kulħadd jaqbel li pajjiżna għandu limitu kemm jiflaħ bħala nies. Nemmen li t-triq tal-futur hija li niffukaw iżjed fuq l-produttività u l-valur tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin. 

Dan jista’ jsir billi ntejbu l-ħiliet tagħhom. Il-pajjiżi li huma relattivament żgħar u sinjuri fid-dinja u li m’għandhomx riżorsi naturali, bħal Singapore u l-Lussemburgu, waslu fejn waslu għax joffru valur għoli tal-ħaddiema tagħhom. Pajjiżna ma jgħix ġo vacuum, iżda jgħix u jikkompeti ma’ pajjiżi oħra biex jiġbed l-investiment u x-xogħol. 

L-istess irridu nagħmlu aħna, u propju għalhekk nemmen li t-titjieb fil-ħiliet għandhom ikunu l-pilastru ewlieni fl-istrateġija ekonomika għas-snin li ġejjin. Inħares ‘il quddiem biex minn Jannar li ġej nibdew niddiskuti mal-istakeholders kollha din u ħafna ideat oħra fuq Employment Policy ġdida. 

Għalfejn inħass il-bżonn ta’ din il-politika ġdida fuq ix-xogħol? 

Fl-2014 konna nidejna Employment Policy li fiha għidna li rridu nagħmluha iżjed faċli biex in-nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol permezz tac-childcare b’xejn. Ridna nbidlu l-kultura ta’ beneffiċji soċjali għal waħda li tagħmilha worth it li toħroġ taħdem, permezz tal-in-work benefit. Magħha għaqqadna t-tapering ta’ ċertu għajnuniet biex dawwarna l-inċentivi li kienu jeżistu għal lista sħiħa ta’ inċentivi fejn wieħed jaqbillu li jaħdem. 

Inti responsabbli ukoll mill-Air Malta. Kif qiegħed tara l-futur tal-linja tal-ajru nazzjonali? 

Matul l-eqqel tal-pandemija pajjiżna kellu bżonn iġib ħafna prodotti mediċinali u tas-saħħa. Kellu bżonn iġib mijiet ta’ Maltin li kienu maqbudin eluf ta’ mili ‘l bogħod u li kieku ma kinitx il-linja nazzjonali tagħna, kieku kien ikollna ferm iktar diffikultajiet. Nemmen li pajjiżna għandu jkun kburi li għandu linja tal-ajru nazzjonali. Waħda mill-pilastri li Gvern Laburista tal-passat bena għall-ġid ta’ pajjiżna. 

Iżda fl-istess waqt l-Air Malta hija kumpanija li trid tgħix fir-realtà u mhux fl-istorja. Hija kumpanija li trid tikkompeti ma’ linji oħra, trid tkun effettiva daqs, jekk mhux iktar, minn linji oħra u trid tara li tagħmel dan kollu b’mod sostennibbli. Din il-ġimgħa gazzetta partikolari irrimarkat kif l-Air Malta qisa ilha għoxrin sena f’fażi ta’ ristrutturar. Diffiċli targumenta bil-kontra. 

Hemm bżonn li l-Air Malta tkun kompetittiva u effiċjenti fl-immaniġġjar tagħha. Hemm ħafna bidliet li jridu jsiru. Nemmen fil-ħaddiema tal-Air Malta u diġa kelli diskussjonijiet mar-rappreżentanti tagħhom. L-ewwel ftit djalogu li kelli kien promettenti ħafna. Se jkun kruċjali li ngħinu lil xulxin biex pajjiżna jibqa’ jkollu linja tal-ajru nazzjonali u biex il-futur tal-kumpanija jkun wieħed sostennibli.

Sport