Saturday, May 4, 2024

Is-saħħa mental fuq il-post tax-xogħol (2)

Aqra wkoll

Minn Dr Katya De Giovanni

Fl-ewwel blog tiegħi f’dan ir-rigward ktibt fuq ir-riski ta’ saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol. Fix-xogħol tiegħi bħala psikologa nitlaqa’ ma’ nies fuq ix-xogħol li jkollhom bżonn xi forma jew oħra ta’ appoġġ. Jiġini f’moħħi persuna li ilu snin jikkumbatti d-dipressjoni u persuna oħra li kellha korriment ta’ tarbija.

Ambjent li jġib ’il quddiem is-saħħa jista’ jiġi deskritt bħala wieħed fejn il-ħaddiema u l-maniġers jikkontribwixxu b’mod attiv għall-ambjent tax-xogħol billi jippromwovu u jipproteġu s-saħħa, is-sigurtà u l-benesseri tal-impjegati kollha. 

Huwa fil-fatt impotant li l-ewwel xogħol nipproteġu s-saħħa mentali billi nnaqqsu l-fatturi ta’ riskju relatati max-xogħol. Għaldaqstant ħaddiem m’għandux joqgħod jinkwieta li tista’ ssirlu ħsara f’saħħtu għax pereżempju ma jingħatax ilbies protettiv.

Fattur ieħor importanti huwa li jinħtieġ li nippromwovu s-saħħa mentali billi niżviluppaw l-aspetti pożittivi tax-xogħol u t-talenti tal-impjegati. L-iżvilupp tat-talenti tal-impjegati tgħin sabiex insaħħu lin-nies inġenerali għax inżidu s-‘self esteem’ billi nsiru nafu lil dak li jkun b’mod aktar personali.

Aspett importanti ieħor huwa l-ambjent tal-post tax-xogħol u kif dan jista’ jiġi adattat biex jippromwovi saħħa mentali aħjar għal impjegati differenti. Jista’ jsir adattament ta’ dawl, ta’ kuluri u anke ta’ appart li jista’ jgħin. Ma’ dan il-punt irridu nifhmu l-opportunitajiet u l-ħtiġijiet tal-impjegati individwali, biex ngħinu fl-iżvilupp ta’ politika aħjar għas-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol.

Ċerti drabi l-fatt li nieqfu nisimgħu lill-impjegati tagħna wkoll jista’ jgħin ħafna għax l-ewwel xogħol iħossuhom stmati u aktar minn hekk ħafna drabi dak li jgħidu jkun feedback utli u li nistgħu nitgħallmu minnu. Nistgħu wkoll inżommu għajnejna fuq dak li għamlu kumpaniji oħrajn u nitgħallmu minn fuqu.

Fl-aħħar u mhux l-inqas, is-sensibilizzazzjoni dwar sorsi ta’ appoġġ u fejn in-nies jistgħu jsibu l-għajnuna huwa importanti ħafna. Irridu ngħaddu l-messaġġ li huwa sew li wieħed ifittex l-għajnuna u għandu jkollna kuntatti ta’ għajnuna speċjaliżżata ta’ psikologu, psikjatra, counsellors u psikoterapisti fejn naraw li l-persuna jkollha bżonn dan it-tip ta’ appoġġ. Kull impjegat li jkollu mġieba u rikonoxximent għandu jkun ippremjat.

L-interventi tas-saħħa mentali għandhom jitwasslu bħala parti minn strateġija sħiħa dwar is-saħħa u l-benesseri li tkopri l-prevenzjoni, l-identifikazzjoni bikrija, l-appoġġ u saħansitra r-rijabilitazzjoni. Is-servizzi tas-saħħa okkupazzjonali jew il-professjonisti jistgħu jappoġġjaw organizzazzjonijiet fl-implimentazzjoni ta’ dawn l-interventi fejn ikunu disponibbli, iżda anke meta ma jkunux, jistgħu jsiru numru ta’ bidliet li jistgħu jipproteġu u jippromwovu s-saħħa mentali. Il-muftieħ għas-suċċess huwa l-involviment tal-partijiet interessati u l-persunal fil-livelli kollha meta jiġu pprovduti interventi ta’ protezzjoni, promozzjoni u appoġġ u meta tiġi monitoraġġ tal-effettività tagħhom.

Sport