Wednesday, December 25, 2024

Żewġt irġiel jinstabu ħatja b’rabta mal-qtil ta’ 39 immigrant Vjetnamiż li nstabu mejtin f’kontejner fuq trakk

Aqra wkoll

Żewġt irġiel instabu ħatja bil-qtil involontarju ta’ 39 immigrant mill-Vjetnam li nstabu mejtin fi trakk f’Essex, ir-Renju Unit, is-sena li għaddiet.

Eamonn Harrison u Gheorghe Nica kienu mixlijin li kellhom rwol fundamentali fiċ-ċirku ta’ immigrazzjoni illegali, f’ġuri li dam għaddej 10 ġimgħat.

F’Ottubru tal-2019, Harrison ta’ 24 sena u li kien qed isuq it-trakk bil-kontejner, ittrasporta 39 persuna ta’ nazzjonalità Vjetnamiża lejn il-port ta’ Zeebrugge fil-Belġju qabel ma l-kontejner kien trasferit fuq vapur lejn ir-Renju Unit.

Nica, raġel ta’ 43 sena kien mixli bl-istess akkużi. Il-Qorti għad trid tiffinalizza s-sentenza, iżda t-tnejn jafu jeħlu għomorhom il-ħabs.

Żewġ suspettati oħrajn, Valentin Calota ta’ 37 sena, u Christopher Kennedy ta’ 24 sena, ukoll instabu ħatja għar-rwol tagħhom fl-operazzjoni.

Preċedentement sid kumpanija ta’ burdnara, Ronan Hughes ta’ 41 sena, u Maurice Robinson xufier ta’ trakkijiet wieġbu ħatja għall-akkuża ta’ qtil involontarju.

It-39 persuna ta’ nazzjonalità Vjetnamiża instabu mejtin f’kontejner f’park industrijali f’Essex. Investigazzjonijiet urew li l-immigranti kienu mgħobbijin f’vetturi fit-Tramuntana ta’ Franza, b’kull wieħed iħallas lit-traffikanti sa €20,000 biex jaqsmu l-fruntiera minn Franza lejn l-Ingilterra.

Il-kontejners li kienu fihom kienu trasportati abbord vapur matul il-lejl mill-port ta’ Zeebrugge lejn il-port ta’ Purfleet fl-Ingilterra. Il-vittmi mietu kaġun ta’ nuqqas ta’ ossiġnu u sħana eċċessiva bit-temperatura fl-ispazju magħluq jilħaq kważi d-39 Grad Celsius.

Ekonomija

Sport