Kurt Theuma ta’ 29 sena li fil-Qorti qal m’għandux indirizz fiss u Leslie Farrugia ta’ 33 sena residenti Birżebbuġa, baqgħu jinżammu arrestati wara li wieġbu mhux ħatja li wettqu serqa minn Banka tal-Lottu li tinsab fi Triq D’Argens, il-Gżira.
Il-Prosekuzzjoni qalet li fid-29 ta’ Novembru li għadda l-Pulizija ġiet informata li għall-ħabta tal-11.00 p.m kienet seħħet serqa minn banka tal-lottu. L-allegat ħallelin kienu mgħammda u armati b’sikkina.
Ġie spjegat li minn aktar investigazzjonijiet irriżulta li qabel ma seħħet l-allegat serqa kienet daħlet persuna oħra fil-banka tal-lottu li ġiet identifikata bħala Michelle Camilleri. Din allegatament daħlet fil-banka biex tara x’hemm u allura qed titqies bħala kompliċi.
Il-Prosekuzzjoni qalet ukoll Leslie Farrugia kien qed jgħix mal-akkużata bil-kompliċità. L-akkużati ġew arrestati mill-Pulizija l-Ġimgħa fir-residenzi tagħhom.
Id-difiża f’isem Leslie Farrugia talbet għal ħelsien mill-arrest tiegħu.
Omm Leslie xehdet kif hi lesta li tmantih f’każ li dan jingħata l-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni argumentat li f’dawn l-aħħar erba’ ġimgħat hu ma kienx qiegħed joqgħod ma’ ommu, iżda kien qed jgħix mas-sieħba tiegħu. Dan ifisser li l-akkużat kien ilu żmien konsiderevoli ma jgħix ma’ ommu, wara li Farrugia kien il-ħabs sal-aħħar ta’ Settembru li għadda.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat ukoll minħabba li l-fedina penali ta’ Farrugia hi “kkulurita” ferm, kif ukoll għad baqa’ n-nies x’jixhdu f’dan il-każ.
Id-difiża qalet li b’rabta mal-intraċċ tal-provi, hemm il-filmati tas-CCTV, filwaqt li l-kommunikazzjoni ma’ partijiet oħra, partikolament il-vittmi, tista’ tiġi evitata b’ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tagħhom.
Intant, tressqet ukoll Michelle Camilleri ta’ 42 sena residenti Wied il-Għajn, li ammettiet li hi kompliċi f’dan il-każ.
Fil-Qorti ntqal li l-akkużata għandha problema tad-droga.
Hawnhekk Camilleri tpoġġiet fuq ordni ta’ probation fuq perjodu ta’ tliet snin, flimkien ma’ multa ta’ €2,500, li trid titħallas fi żmien tliet snin. Dan apparti s-sospenzjoni tal-liċenza tas-sewqan għal sena, kif ukoll ordni ta’ trażżin għal tliet snin u ordni ta’ trażżin favur l-impjegat fil-ħanut.


