Sunday, December 22, 2024

Żewġt itfal u anzjan fil-periklu tal-mewt wara li sfaw feruti b’sikkina f’park fi Franza

Aqra wkoll

Minn tal-inqas erbat itfal li kellhom madwar tliet snin u żewġ adulti weġgħu f’attakk tal-massa b’sikkina fix-Xlokk ta’ Franza kmieni dalgħodu.

“Tnejn mill-erbat itfal u raġel anzjan jinsabu fil-periklu tal-mewt. Il-pajjiż jinsab maħsud,” qal il-President Franċiż Emmanuel Macron fi stqarrija.

Minnufih il-Pulizija tad-distrett marru fuq ix-xena fejn seħħet l-aggressjoni b’sikkina f’bandli f’Annecy, qabel it-tokki tal-10:00 a.m. (ħin lokal).

Il-Ministru Franċiż għall-Affarijiet Interni, Gérald Darmanin, f’kitba fuq Twitter ikkonferma li l-aggressur qed jinżamm arrestat. Il-midja Franċiża qed tirrapporta li ssuspettat huwa ta’ nazzjonalità Sirjana li kien residenti fi Franza. Min-naħa tagħha l-Pulizija qalet li l-aggressur huwa raġel li għandu xi ħaġa fuq it-30 sena.

L-Assemblea Nazzjonali ddedikat minuta ta’ silenzju b’solidarjetà lejn il-familjari tal-vittmi li jinsabu f’qagħda kritika kawża tal-inċident.

Ekonomija

Sport