“Żgur li ma kienx ħaqqek tmut hekk ħabib”. Din kienet waħda mir-reazzjonijiet imħallta ta’ niket u rabja li segwew l-aħbar tal-mewt ta’ Antoine Degabriele.
Fost dawk li sellmu l-memorja tal-vittma tal-inċident li seħħ aktar kmieni għall-ħabta ta’ 11:45 a.m fi Triq il-President Anton Buttigieg fiż-Żejtun.
Waħda mill-ħbieb tal-vittma ddeskrivietu bħala bniedem jaf jieħu pjaċir, dejjem ċajtier u kollu storbju kull fejn ikun.
Persuna oħra kitbet “Min kellu jgħidli li lbieraħ kellu jkun tal-aħħar u tagħmilli ġelat u kafe tajjeb kif kont taf tagħmel int”, filwaqt li fakkret dwar is-servizz tajjeb li kien jagħti f’Marsaxlokk lill-klijenti li jmorru biex jitrejqu fejn kien jaħdem.
Persuna oħra minn fost dawk li sellmu l-memorja tiegħu kiteb li trid tkun verament bla qalb biex ittajjar persuna u tibqa’ sejjer u talab li ssir ġustizzja wara dan l-aġir irresponsabbli.
Intant il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha biex tiskopri min kienet il-persuna li ħalliet lil Degabriele mejjet fil-ġenb tat-triq.
Fl-appell tiegħu, wieħed mill-kelliema tagħha qal li jista’ jagħti l-każ li l-persuna nħakmet minn paniku wara l-inċident iżda qal li min hu responsabbli għandu jrodd ruħu b’idejh qabel ikomplu l-investigazzjonijiet. Huwa spjega li l-pulizija kienet qiegħda tiġbor numru ta’ filmati minn diversi CCTVs fiż-żona u li eventwalment hija biss kwitsjoni ta’ ħin biex jinstab min hu responsabbli.