Matul din il-ġimgħa u fil-jiem li ġejjin, 20 uffiċjal tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qegħdin jgħinu lill-awtoritajiet Griegi fit-tifi tan-nirien bla kontroll (wildfires) ikkawżati minn temperaturi sħan u estremi li qegħdin iħallu impatt dirett f’bosta reġjuni tal-Greċja.
Barra l-għajnuna importanti li qegħdin jagħtu, bl-esperjenza tagħhom fil-Greċja fejn hemm ċirkostanzi diffiċli u kuntrastanti minn dak li jkollna fil-gżejjer tagħna, dawn il-ħaddiema Maltin qegħdin jitgħallmu ferm. Grazzi għal dan, id-Dipartiment tal-Protezzjoni tagħna qiegħed jibqa’ jkollu uffiċjali preparati u mħarrġa dejjem iżjed għal ċirkostanzi ta’ emerġenza varji.
“Kull tagħlima li qegħdin nieħdu minn hawn qegħdin ngħadduha lill-grupp u ovvjament se nġibuha lura Malta. Aħna moħħna mistrieħ li hemm intom warajna,” hekk saħaq wieħed mill-uffiċjal mid-Dipartiment tat-Protezzjoni Ċivili ta’ Malta, f’komunikat li kellhom mal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri.
Filwaqt li kkonferma li lbieraħ filgħodu stess kellhom sessjoni oħra ta’ taħriġ mal-pumpieri Griegi, dan il-kelliem għall-20 uffiċjali li jinsabu fil-Greċja qal li grazzi għall-ħidma li għaddejjin biha hemm, ”żgur li se ninżlu pumpiera aħjar milli tlajna”.