Skont regolament 13 (03) tat-Tieni Skeda tal-Avviz Legali 1/2006 li emenda r-Regolamenti dwar il-Liċenzji tal-Kummerċ, is-sidien kollha ta’ ħwienet u kummerċjanti jistgħu jiġu mmultati jekk jostakolaw l-aċċess fuq il-bankina mhux biss għal persuni b’diżabilità iżda fi kwalunkwe każ.
L-avviż legali jistipula li: “Meta attività kummerċjali tpoġġi għall-bejgħ artiklu jew kull oġġett ieħor barra l-post, il-persuna responsabbli mill-attività kummerċjali għandha tara li dawn ma joħolqux ostaklu għan-nies li jkunu għaddejjin bil-mixi u li ma jkunux jeċċedu 50 ċm mill-istess bankina.”
Ma jistax jonqos li diversi kummerċjanti jeħlu diversi multi li jammontaw għal mijiet ta’ Ewro għax jostakolaw il-bankina. U hekk għandu jkun.
Meta fl-2006 il-leġislatur daħħal tali regoli l-uniku inkonvenjent kbir li kien jeżisti fuq il-bankini kienu bla dubju negozji u ristoranti li jippruvaw jieħdu kemm jista’ jkun iktar mill-bakina biex ikabbru l-qligħ ta’ kuljum tagħhom.
Iżda llum il-ġurnata ma’ dawn it-tnejn żgur li żdied il-fenomenu tal-iskart, speċjalment f’ċerti nħawi abitati iktar minn barranin milli minn Maltin. Iżda b’differenza mill-imwejjed tal-oġġetti għall-bejgħ u mill-imwejjed tar-ristoranti, f’dan il-każ mhux talli min qed jikkawża l-inkonvenjent u xkiel qed jikser ir-regoli imma qiegħed jiġi prattikament imġiegħel mill-Istat stess jingombra l-istess bankina.
Sa fejn naf jien kulħadd huwa mitlub iħalli l-iskart wara l-bieb tiegħu stess u mhux f’postijiet oħra. U jekk ma jagħmilx hekk jiġi mmultat. L-iskart irid jinħareġ fil-borża t-tajba, fil-ġurnata t-tajba, fil-ħin it-tajjeb u fil-post it-tajjeb. Jekk xi waħda minn dawn ir-regoli tiġi miksura jeżistu multi eżorbitanti.
Naqbel mal-multi. Iżda l-verita’ hija li jeżistu diversi faċċati ta’ bini li mhumiex kbar biżżejjed sabiex jilqgħu l-boroż tal-iskart kollu tal-blokka. Il-boroż tar-riċiklaġġ, pereżempju, normalment ikunu ta’ wisgħa ta’ madwar 81ċm x 102 ċm. Il-boroż is-suwed il-kbar ikunu proprju l-istess qies. Dan ifisser li borża waħda faċli teċċedi l-limitu li suppost iżomm min ibigħ fuq bankina.
Bl-istess argument, jekk min ibigħ ma jistax jostakola l-bankina u jaqla’ multa, iċ-ċittadin jista’? Din il-ġimgħa persuna qaltli li fil-blokka fejn toqgħod, minn madwar 10 metri faċċata, madwar 9 minnhom huma garaxxijiet, u madwar metru/metru u nofs huwa taraġ. Minn xi żewġ familji Maltin u tlieta Għawdxin li kienu jibagħtu t-tfal l-Università li spiss kienu ma jorqdux Malta, issa spiċċa kull flett qed jinkera lil ħafna barranin.
Apparti li l-barranin ma jafux ir-regoli tal-iskart anke jekk jafuhom qed joħorġu ħafna iktar boroż fuq il-bankina. Ovvjament il-metru/metru u nofs ‘faċċata’, ħafna minnu huwa t-taraġ tal-blokka minn fejn wieħed irid jgħaddi biex joħroġ u kulma jibqa’ inqas minn nofs metru fuq iż-żewġ naħat fejn tpoġġi ż-żibel.
Faċli wieħed jimmaġina kif, anke jekk l-iskart jinħareġ kollu fil-ħin it-tajjeb u fil-ġurnata t-tajba jekk kulħadd jobdi l-liġi malajr jimtela munzell boroż taż-żibel waħda fuq l-oħra m’għola bniedem. ‘L isfel mill-bankina normalment ikun hemm karozza pparkjata u għalhekk kulma jifdal il-wisgħa tal-bankina ingumbrata mill-boroż.
Iżda biex jintefa’ l-melħ fuq il-ferita, ħdejn il-blokka jeżisti ċentru tal-kura tat-tfal, li kuljum jattira ommijiet u missirijiet lejh. Dawn jew jiġu bil-mixi jew jipparkjaw ftit ’il bogħod u jimxu l-kumplament bil-‘push chair’ jew fuq idejhom biex iwasslu t-tfal iċ-ċentru. L-għażla li għandhom dawn il-ġenituri hija jew li jgħaddu minn nofs tat-triq, jew li jaqbżu l-boroż taż-żibel jew li jċaqalquhom b’saqajhom.
Ovvjament, wieħed faċli jimmaġina meta tinġabar il-borża s-sewda u l-borża griża kemm jibqa’ spazju fuq il-bankina filgħodu. M’għandniex xi ngħidu s-sid tal-garaxx mhux l-ewwel darba li lmenta li meta jiġi biex idaħħal il-karozza kellu jinżel jiġbor xi ħames boroż jew sitta minn ġod-drive-in imżerżqa.
Agħar minn hekk, meta l-boroż anke jekk inħarġu fil-ġurnata tagħhom, jiġu mressqa bis-sieq fid-‘drive-in’, ġieli l-persuni li jiġbru l-iskart ma jarawhomx, ma jiġbruhomx u jħalluhom hemm.
Bħalma għedt f’artikli oħra, is-sitwazzjoni tal-iskart f’Malta mhux lakemm tissolva. Però żgur li f’postijiet fejn ingħataw permessi ta’ sitt sulari hemm bżonn issir xi ħaġa biex apparti l-lat estetiku u ambjentali, jittieħed ukoll in konsiderazzjoni l-ingumbrar tal-bankina li hija problema oħra li qed tikber sew.
Forsi għal min huwa b’saħħtu mhux konvenjenti jagħti bis-sieq il-boroż taż-żibel. Iżda hemm ukoll min huwa iktar fraġli u għalih/a borża mħollija fuq bankina b’ordni mill-istess awtoritajiet tista’ tagħmel id-differenza jekk joħroġx minn daru jew le.
Kif sostnejt ukoll f’artikli oħra però, anke minn dan il-lat, waħda mill-aħjar soluzzjonijiet hija li l-iskart ma jinġabarx filgħodu imma billejl. Billejl l-attivita’ fit-toroq tonqos. Fil-każ taċ-ċentri tal-kura tat-tfal u l-iskejjel dawn ikunu għalqu. Il-ħwienet jagħlqu wkoll fis-sebgħa.
Għalhekk il-persuni li jużaw il-bankina bilfors jonqsu (sakemm mhux f’żoni turistiċi fejn il-ġbir għandu jsir darbtejn kuljum). Iktar minn hekk, kemm l-anzjan bil-bastun kif ukoll il-persuna li tuża s-siġġu tar-roti forsi jkunu daħlu huma wkoll id-dar wara li l-bankina kienet libera għal ġurnata sħiħa meta wżaw it-triq.
Għal kummenti jew suġġerimenti https://www.facebook.com/lejnmaltaaaa. Għal aktar artikli www.vassallolorna.com.