Thursday, December 26, 2024

Żieda fin-numru tat-tfal milquta minn diżabbiltajiet tul l-iżvilupp

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Awtiżmu, paraliżi ċelebrali, problemi fil-fetu kkawżati minn konsum ta’ alkoħol mill-omm, Down Syndrome u Attention Deficit Hyperactivity Disorder (ADHD) huma bħalissa l-aktar ħames diżabbiltajiet tal-iżvilupp komuni li qegħdin jolqtu lil tfal u adoloxxenti madwar id-dinja. Dawn il-problemi ta’ saħħa li jiffaċċjaw fil-perjodu tal-iżvilupp diġà huma stmati li qegħdin jaffettwaw xejn inqas minn 317 miljun individwu globalment u aktar ma jgħaddi ż-żmien, dan l-ammont inkwetanti, aktar qiegħed ikompli jiżdied. 

Id-diżabbiltajiet tal-iżvilupp huma grupp ta’ kundizzjonjiet kroniċi differenti li jinkludu kundizzjonijiet mentali u fiżiċi li jiżviluppaw qabel persuna ssir adulta. Dawn il-każijiet narawhom fil-pajjiżi kollha, anke lokalment, b’familji li ta’ kuljum jiffaċċjaw diffikultajiet kbar fil-ħajja tagħhom, kif ukoll stigma u limitazzjonijiet. Diffikultajiet li jibqgħu jkarkru tul ħajjet it-tfal milquta u dawk li jieħdu ħsiebhom. Proprju għal dan il-għan, ix-xahar ta’ Marzu huwa ddedikat għall-għarfien tad-diżabbiltajiet tul l-iżvilupp fejn din is-sena t-tema hija “Dinja ta’ Opportunitajiet”.

In-National Developmental Disabilities Awareness Month (DDAM) għandu l-għan li noħolqu dinja fejn il-persuni b’disabbiltajiet tal-iżvilupp ikollhom l-istess opportunitajiet bħall-persuni ħielsa minn diżabbiltajiet. Il-viżjoni hija dik li kull persuna tingħata l-għodda u s-setgħa li titkellem għaliha nnfisha u li tkun dak li hija verament mingħajr xkiel, mistħija jew nuqqas ta’ opportunitajiet. 

Fil-fatt, waħda mill-kampanji li jsiru tul ix-xahar ta’ Marzu hija dik magħrufa sew “I Am” li fiha jixxandru vidjows li permezz tagħhom fost l-oħrajn, jingħata messaġġ qawwi tad-dritt tal-individwalità tal-persuni u l-ugwaljanza. Fil-kampanja “Dinja ta’ Opportunitajiet” 2024 huma ċċelebrati n-nies u l-ħidma kollettiva biex jitneħħew kull ostakli. Il-mira hija li nibnu komunitajiet li huma ddedikati li joħolqu dinja fejn kulħadd jista’ jirnexxi f’ħajtu, kif fil-fatt, għandu jkun. 

1.3 biljun persuna fid-dinja milquta minn xi tip ta’ diżabbiltà

Meta wieħed iħares lejn kemm għandna persuni b’xi forma ta’ diżabbiltà fid-dinja, skont l-aħħar figuri maħruġa mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) fl-2023, dawn jammontaw għal 1.3 biljun persuna. Dawn jirrappreżentaw 16% tal-popolazzjoni dinjija jew inkella persuna minn kull sitta. 

Il-persuni b’diżabbiltà barra l-kundizzjoni tas-saħħa tagħhom huma f’riskju doppju li jiżviluppaw kundizzjonijiet oħra bħal dipressjoni, ażma, dijabete, puplesiji iżda barra minnhekk, mil-lat soċjali dawn jistgħu jiffaċċjaw inugwaljanza, diffikultajiet fil-komunikazzjoni, aċċess, stigma, diskriminazzjoni, faqar, esklużjoni mill-edukazzjoni jew mix-xogħol, kif ukoll sfidi fis-sistemi tas-saħħa nfushom. Għal dawn ir-raġunijiet, l-għarfien, l-edukazzjoni u l-ħidma fis-settur, inkluż dak tad-diżabbiltajiet tal-iżvilupp, huma kruċjali biex għal kwalità ta’ ħajja aħjar ta’ dawn l-individwi.

Rapport riċenti tad-WHO u l-UNICEF ippubblikat f’Settembru li għadda sab prevalenza globali inkwetanti ta’ diżabbiltajiet tal-iżvilupp fost tfal u żgħażagħ tant li talab azzjoni immedjata biex id-diffikultajiet li dawn jiffaċċjaw, jiġu indirizzati llum qabel għada. Fir-rigward id-Direttur Assoċjat tas-Saħħa tal-UNICEF, Dott. Luwei Pearson, qal li, “il-viżjoni li ma nħallu lil ħadd jaqa’ lura tista’ biss issir realtà jekk l-aspirazzjonijiet u l-bżonnijiet tat-tfal u ż-żgħażagħ b’diżabbiltajiet tal-iżvilupp jitpoġġew fiċ-ċentru tal-ħidma tagħna ħalli nippromwovu s-saħħa u l-benesseri ta’ dawn it-tfal fuq skala globali”. Hawn wieħed jara u jifhem għaliex ix-xahar ta’ Marzu huwa tant importanti.

Perjodu kruċjali għall-ħidma meħtieġa

Ix-xahar iddedikat għad-diżabbiltajiet tal-iżvilupp ta’ Marzu huwa opportunità biex inwasslu għarfien, suċċessi u l-bżonnijiet tal-persuni milquta minn din il-kundizzjoni. Wieħed mill-miri prinċipali huwa dak li jiżdied l-għarfien fuq dak li diġà s-soċjetà qiegħda twassal kif ukoll li nifhmu iżjed xi tfisser din it-tip ta’ diżabbiltà. Permezz ta’ edukazzjoni, kampanji u avvenimenti fil-komunità nneħħu l-istigma u niżrgħu l-inklużjoni.

F’dan ix-xahar wieħed jitkellem iżjed dwar id-diffikultajiet li jiffaċċjaw fil-ħajja tagħhom tfal u individwi b’diżabbiltà tal-iżvilupp. Dan billi dawk milquta minn din il-kundizzjoni ta’ saħħa, jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u jsemmgħu leħinhom. Meta jsir hekk inkunu qegħdin nagħtu s-saħħa lill-individwu u jżdied l-aċċess ta’ riżorsi, is-servizzi relatati u l-għajnuna li tant ikollhom bżonn.

Fis-settur tas-saħħa u anke dak edukattiv, l-inklużjoni saret element importanti għall-persuni b’diżabbiltà. F’dan ix-xahar issir kampanja ta’ promozzjoni biex ikun hemm aktar inklużjoni kemm fil-komunitajiet, fil-postijiet tax-xogħol u fl-iskejjel fejn il-persuni b’diżabbiltajiet tal-iżvilupp huma apprezzati aktar, irrispettati u mogħtija opportunitajiet indaqs biex jipparteċipaw u jikkontribwixxu fis-soċjetà. Ma ninsewx ukoll il-kampanji li jsiru għal aktar aċċessibbiltà u akkomodazzjoni xierqa mmirati biex ikun hemm parteċipazzjoni u integrazzjoni sħiħa.

Niċċelebraw ukoll is-suċċessi u t-talenti tagħhom…

Fix-xahar ta’ Marzu ma narawx biss id-diffikultajiet u x’jonqos isir f’dan is-settur iżda nagħtu importanza s-suċċessi u l-kontribuzzjonijiet li jagħtu l-persuni b’diżabbiltajiet tal-iżvilupp. Hawn tingħata ħarsa lejn dak li rnexxielhom jiksbu, it-talenti tagħhom u fejn wasluhom. B’dan il-mod inwarrbu l-istereo tipi u nuru li kull individwu għandu l-kapaċitajiet uniċi tiegħu u potenzjal.

L-għarfien jgħin ukoll biex issir il-ħidma meħtieġa fl-ambitu politiku, l-allokazzjoni ta’ riżorsi u identifikazzjoni ta’ sfidi li individwi b’diżabbiltajiet tal-iżvilupp għandhom. Dan bil-għan li jissaħħu s-sistemi ta’ sostenn, jingħataw fondi għas-servizzi u jsiru inizjattivi fuq livell leġislattiv biex issir promozzjoni għall-inklużjoni, aċċess għas-servizzi tas-saħħa, edukazzjoni, impjieg u integrazzjoni fil-komunità.

Grazzi għal din iċ-ċelebrazzjoni tiżdied il-kollaborazzjoni u l-operat ta’ sostenn fost l-istakeholders kollha inklużi l-aġenziji governattivi, l-organizzazzjonijiet, is-sistemi tas-saħħa, l-edukaturi, min jimpjega u l-membri tal-komunità. B’din is-sħubija u għaqda fil-forzi tiżdied ħidma effettiva li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ dawn it-tfal, adoloxxenti u adulti b’diżabbiltajiet tal-iżvilupp. 

Fl-aħħar mill-aħħar, f’dan ix-xahar titqajjem kuxjenza għal aktar azzjoni u bidla fis-soċjetà biex ikunu indirizzati l-bżonnijiet u d-drittijiet ta’ dawn il-persuni. Jinfetħu l-bibien għad-djalogu, riformi u azzjoni kollettiva biex noħolqu soċjetà aktar inklussiva, ugwali u ta’ sostenn għal kulħadd. 

Ix-xahar ta’ Marzu għandu rwol kruċjali li jsarraf f’bidla pożittiva għall-persuni b’diżabbiltajiet tal-iżvilupp. Meta wieħed iqajjem għarfien dwar dak li jgħaddu minnu, il-bżonnijiet li għandhom u l-kontribuzzjonijiet li jagħtu fis-soċjetà, qegħdin ngħinu mhux biss lil dawk milquta direttament, iżda lilna nfusna wkoll u lis-soċejtà li inġenerali fejn tifhem, tagħder u tinkludi lil kuħadd.

Ekonomija

Sport