Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes ħabbar it-tisħiħ ta’ tliet skemi tal-Awtorità tad-Djar, li l-għan tagħhom huwa li jtaffu mill-piż tal-ispejjeż ta’ xogħlijiet strutturali f’residenzi.
It-tliet skemi li ġew imsaħħa huma:
- Xogħlijiet ta’ ppjanar u titjib f’residenzi okkupati minn sidien jew inkwilini (Skema ADP);
- Xogħlijiet relatati ma’ strutturi perikolużi fi proprjetà privata li hija okkupata minn qabel l-1 ta’ Ġunju 1995 minn inkwilini jew ċenswalisti (Skema SSP);
- Xogħlijiet ta’ aċċessibilità għal persuni b’diżabilità (Skema DIS).
Il-Ministru rrimarka li permezz tat-tisħiħ ta’ dawn l-iskemi u ż-żieda fis-sussidju, il-Gvern se jkun qed iżid l-investiment totali bid-doppju ta’ dak li kien jingħata fl-2018.
Il-Ministru Galdes spjega li applikant li japplika għall-iskema ADP u li huwa s-sid tal-proprjetà tiegħu, jista’ jibbenefika sa massimu ta’ €21,000 biex iwettaq xogħlijiet strutturali. Taħt l-istess skema, applikant inkwilin jista’ jibbenefika sa massimu ta’ €15,000 biex jirranġa l-finishes, filwaqt li applikant li huwa sid ta’ proprjetà li tinkera jista’ jibbenefika sa massimu ta’ €6,000 biex iwettaq xogħlijiet strutturali.
Il-Ministru kompla jispjega li fir-rigward tal-iskema SSP, applikant li joqgħod fi proprjetà li ilha mikrija minn qabel Ġunju tal-1995, jista’ jibbenefika sa massimu ta’ €25,000 biex isiru xogħlijiet strutturali.
Fir-rigward tal-iskema DIS, persuna b’diżabilità tista’ tibbenifika sa massimu ta’ €28,000. Hawnhekk, il-Ministru Galdes ta eżempju kif persuna b’diżabilità li għandha bżonn stairlift biex taċċessa darha, se tkun tista’ tibbenifika sa massimu ta’ €7,000 permezz tal-iskema DIS. Dan ifisser li, meta mqabbel mal-capping l-antik, f’dan il-każ, il-benefiċċjarji individwalment se jaraw żieda ta’ 40%.
Il-Ministru Roderick Galdes temm jgħid li din il-ħidma tkompli tikkonferma r-rieda tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ is-settur tal-akkomodazzjoni.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa qal “bħala Awtorità qed inħarsu lejn sitwazzjoni fejn il-familji Maltin u Għawdxin ma jieqfux mal-punt li jaċċessaw is-suq tal-proprjetà. Dan is-settur kapaċi jkun katalist importanti fil-ħidma lejn soċjetà inklussiva u għixien indipendenti.”
Ir-rati l-ġodda u ż-żieda fl-ammonti tal-massimu li benefiċċjarju jista’ jibbenifika minnu huma applikabbli mill-1 ta’ Marzu ta’ din is-sena.
Il-pubbliku jista’ jikseb aktar informazzjoni billi jżur is-sit housingauthority.gov.mt.