Monday, December 1, 2025

ŻIEDA FIT-TWELID

Aqra wkoll

L-argument tqajjem kemm-il darba, bir-raġun. Il-Maltin u l-Għawdxin qed jagħmlu anqas tfal minn dak meħtieġ biex il-popolazzjoni tiġġedded. Minflok, il-prospetti huma li l-għadd tal-poplu Malti se jonqos bil-kbir fid-deċennji li jmiss. Trid tiddaħħal politika li timmira biex dan ma jiġrix. Waħidhom l-inċentivi finanzjarji mhumiex se jkunu biżżejjed.

L-argument hu korrett. Biss, fl-istess ħin – ħaġa li ma tintqalx daqshekk ċar – mingħajr l-inċentivi, l-bidla żgur ma tintlaħaqx. Sar sew ħafna li ddaħħlu l-inċentivi.

Lil hinn minn hekk, hemm bżonn għarfien aħjar ta’ kif biex forsi l-mira tintlaħaq, se jkollha titwettaq bidla kulturali… fil-mod kif in-nies tqis il-futur, b’mod individwali. Fis-sens ta’ kif trid tgħix, fi qrubija ma’ nies oħra… tal-familja, fosthom ulied… tal-inħawi fejn tgħix, ġirien u aktar… ta’  persuni bl-istess gosti u xejriet ta’ ħajja… ta’ persuni li huma familjari permezz tal-internet…

Ftit li xejn għadu magħruf dwar kif apparti milli jiddaħħlu dejjem aktar miżuri li jiffaċilitaw il-ħajja materjali tal-familji “kbar”, se tintrebaħ il-kampanja kulturali biex aktar u aktar koppji jiddeċiedu li jixtiequ l-wens u l-intrigu  ta’ aktar tfal fil-familja tagħhom.

POEŻIJI 

Qalli ħabib tiegħi: Qed ngħidu li minħabba l-medja soċjali u l-importanza li ħadu fil-ħajja tan-nies, il-qari fit-tul sar ta’ toqol żejjed għall-bniedem modern. Dara testi qosra u dawk twal jaħrabhom għax jew ma jifhimhomx jew jesiġu konċentrament fit-tul li mhux imdorri aktar li jsostni. Imma dan messu jaġevola l-kitba u l-qari tal-poeżija fuq il-medja soċjali u l-internet, talanqas il-poeżija qasira, bħall-ħajku Ġappuniż, ċerti forom liriċi, u anke sunetti… Qed jiġri hekk?

Ma kellix risposta għall-mistoqsija tiegħu. Wegħedtu li nistaqsi lil chatgpt biex idawwalni dwar dil-ħaġa. Jekk jagħtini risposta qasira biżżejjed naqraha u nibgħatlu kopja…

FILANTROPIJA 

Minkejja li l-istat soċjali baqa’ jafferma ruħu… talanqas fl-Ewropa… il-proġetti biex ċittadini jiġu mobilizzati ħalli jappoġġjaw dan jew dak il-għan soċjali donnhom żdiedu. L-għanijiet u s-setturi huma varji… minn saħħa fiżika u mentali… għall-għajnuna lil min jinsab bla alloġġ… għall-vittmi fil-gwerer ċivili tal-pajjiżi tas-Sud…

F’ħafna każi, l-isforzi filantropiċi malajr jikkonvertu ruħhom f’organizzazzjonijiet professjonali – fondazzjonijiet, soċjetajiet privati, koperattivi… Jitmexxew qishom kienu biżness normali, bi staff imħarreġ u mħallas tajjeb. Dan kollu jitqies bħala proċess naturali. Ċerti gvernijiet jaraw lil dawn il-korpi bħala ta’ għajnuna għax jipprovdu appoġġ, kontinwazzjoni u anke żieda mas-servizzi soċjali li l-istat jipprovdi. Il-problema li tqum hi li f’ħafna każi, ma hemmx fruntiera ċara bejn fejn qed jidħol il-gvern u fejn qed jibda is-servizz filantropiku privat, mhux kummerċjali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport