L-internet u miegħu l-midja soċjali saru parti integrali ta’ ħajjitna fejn kull fejn tħares u ma’ kull min titkellem, tirrealizza li kważi mingħajrhom ma ngħaddux. Xi forma ta’ apparat għall-komunikazzjoni bħalma huma mobiles, tablets, computers, tista’ tgħid issibhom f’kull dar u tul is-snin il-preżenza online żdiedet. Fil-fatt, jekk wieħed iħares lejn iċ-ċittadini tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, li aħna membri wkoll, iż-żieda fl-użu tal-internet ġiet reġistrata fi stħarriġ minn Eurostat. Irriżulta li fl-2024 93% tal-persuni ta’ bejn is-16 u l-74 sena fil-UE użaw l-internet matul it-tliet xhur preċedenti.
Mill-informazzjoni miġbura, l-użu tal-internet fil-Blokk Ewropew kiber b’mod konsistenti bis-sehem tal-utenti jiżdied b’sebgħa punti perċentwali (pp), minn 86% fl-2019. Irriżulta wkoll li l-internet intuża l-aktar għall-komunikazzjoni ma’ oħrajn – 85% tan-nies użaw l-internet għat-telefonija, għat-telefonati bil-vidjo jew għall-messaġġi (sms) u 80% għall-emails. L-użu tal-internet għall-komunikazzjoni żdied bit-telefonati u l-messaġġi online jikbru aktar malajr mill-korrispondenza bil-posta elettronika (+14pp u +7pp meta mqabbla mal-2019, rispettivament).
Dan l-istħarriġ sab li attivitajiet popolari oħra online rrapportati kienu t-tfittxija għal informazzjoni dwar oġġetti u servizzi (75%); il-wiri ta’ TV jew vidjows (73 %); u s-servizzi bankarji fuq l-internet (67%).
B’kuntrast ma’ dan kienu 10% biss tan-nies li wżaw l-internet għall-konsultazzjonijiet jew votazzjonijiet online biex jiddefinixxu kwistjonijiet ċiviċi jew politiċi. Mentri, 12% tal-parteċipanti fl-istħarriġ qalu li wżawh għal attivitajiet ta’ tagħlim fl-edukazzjoni formali; 16% oħra biex jaqsmu opinjoni dwar kwistjonijiet ċiviċi jew politiċi fuq siti web jew fil-midja soċjali; 17% għamlu kors online u 17% ħadu sehem fit-tagħlim għal skopijiet privati.