Eluf ta’ ċittadini tal-Korea t’Isfel iffirmaw petizzjoni fejn fiha qed isejħu għal azzjoni immedjata kontra s-cyber-bullying u dan wara żewġ każijiet ta’ ċelebritajiet li neħħew ħajjithom b’idejhom.
Il-plejer tal-vollyball Kim In-hyeok u l-Youtuber Cho Jang-mi, mietu ġurnata bogħod minn xulxin u s-suspetti huma li dawn neħħew ħajjithom b’idejhom. Li hemm komuni fiż-żewġ każijiet hu li dawn ta’ spiss kienu qed jispiċċaw fil-mira ta’ attakki ta’ mibegħda online.
Sfortunatament ġewwa l-Korea t’Isfel qiegħed ikun hemm numru sostanzjali ta’ każijiet fejn ċelebritajiet jiġu attakkti b’mod qawwi ħafna fuq l-internet, tant li kien hemm drabi fejn dawn neħħew ħajjithom b’idejhom.
Il-petizzjoni inkwistjoni ġiet iffirmata minn kważi 150,000 persuna u qiegħda titlob għal kastig fil-konfront ta’ dawk li jxerrdu qlajjiet u mibegħda.
– Jekk tinsab fi kriżi, waħdek, tħossok ma tistax tkampa, bi ħsibijiet ta’ suwiċidju jew taf lil xi ħadd li qed isofri minn dan, agħmel kuntatt ma’ Crisis Resolution Malta fuq 9933 9966 jew inkella fuq il-paġna ta’ Facebook.