FʼApril ta’ din is-sena, l-għadd sħiħ tat-turisti li daħlu Malta kien stmat li laħaq l-409,403, żieda taʼ 16.6 fil-mija meta mqabbel mal-istess xahar sena qabel.
Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li fix-xahar ta’ April ta’ din is-sena, 383,664 turist żaru Malta għal btala, mentri 20,724 turist ġew Malta għal raġunijiet taʼ xogħol.
L-akbar għadd taʼ turisti kellhom bejn il-25 u l-44 sena (35.0 fil-mija); warajhom kien hemm dawk fl-età taʼ bejn il-45 u l-64 sena (34.1 fil-mija). Residenti mir-Renju Unit, l-Italja u l-Polonja ammontaw għal 45.9 fil-mija tat-turisti li waslu Malta.
Meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena taʼ qabel, l-għadd sħiħ tal-iljieli mqattgħin Malta telaʼ bʼ6.1 fil-mija, u laħaq iż-2.1 miljun lejl. Il-biċċa l-kbira taʼ dawn l-iljieli (89.2 fil-mija) kienu mqattgħin fi stabbilimenti taʼ akkomodazzjoni mikrija. It-tul medju taʼ dawn iż-żjajjar kien taʼ 5.2 iljieli.
FʼApril 2026, in-nefqa tat-turisti laħqet it-€335.0 miljun, żieda taʼ 13.1 fil-mija fuq l-istess xahar sena qabel L-infiq medju kull lejl kien stmat li jammonta għal €157.2. It-turisti li żaru Għawdex u Kemmuna, kemm dawk li qagħdu għal ġurnata kif ukoll dawk li raqdu hemm, ammontaw għal 227,162, jew 55.5 fil-mija tat-turisti kollha.
Jannar-April 2026
Fl-ewwel erbaʼ xhur tal-2026, waslu Malta 1,215,966 turist, żieda taʼ 16.4 fil-mija fuq l-istess żmien tal-2025. In-numru tal-iljieli mqattgħin telaʼ bʼ10.0 fil-mija u bʼhekk laħaq is-6.6 miljun lejl.
L-infiq sħiħ mit-turisti kien stmat li laħaq id-€919.7 miljun, 14.3 fil-mija ogħla minn dak li kien irreġistrat fl-istess żmien tal-2025. L-infiq kollu ras għal ras naqas għal €756 mis-€770 li kien stmat fl-2025.
It-turisti li żaru Għawdex u Kemmuna, kemm dawk li qagħdu għal ġurnata kif ukoll dawk li raqdu hemm, ammontaw għal 577,358, jew 47.5 fil-mija tat-turisti kollha.


