Fost l-aktar persuni ċentrali u strateġiċi fir-rebħa kbira u storika Laburista matul l-aħħar Elezzjoni Ġenerali, kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Leonid McKay.
Dan il-ġurnal għamel kuntatt ma’ Leonid innifsu fejn tana iktar dettalji fosthom rigward x’jaħseb li kien is-sigriet wara s-suċċess ta’ din ir-rebħa storika, kif ukoll x’responsabbiltá jġorr miegħu riżultat ta’ dan it-tip fil-mandat eletorrali b’saħħtu tal-Partita Laburista.
Fi kliemu:
“Nemmen li s-sigriet ta’ kollox kien proprju meta l-Partit emmen fih innifsu, emmen li jista’ jkompli jinbidel, għaraf li ma kienx perfett u fl-istess ħin li fetaħ il-bibien tiegħu, żamm ħaj dawk kollha li sawruh matul is-snin.”
“Żamm ħaj lill-amministrazzjonijiet li taw sehemhom imma fehem illi fl-2024 il-poplu kien bagħtlu messaġġ ċar u allura b’ħafna umiltá, il-Partit fetaħ il-bibien però fl-istess ħin żamm ukoll lil dawk li kienu preżenti qabel ikomplu jagħtu kontribut.”

“Meta l-Partit fehem illi ma jista’ qatt ikollok Gvern b’saħħtu jekk m’għandekx Partit b’saħħtu, u allura hemmhekk fehem illi kien ġej test elettorali importanti tal-Elezzjoni Ġenerali, u hemmhekk fejn beda jissaħħaħ mhux biss il-parti tal-amministrazzjoni tal-Partit, mhux biss il-parti finanzjarja tal-Partit imma wkoll l-importanza li jkollna ħsieb politiku li jkun jirrifletti ż-żminijiet tal-lum u allura r-rekord, l-istorja li għadha kif inkitbet ta’ erba’ rebħiet konsekuttivi kien riżultat ta’ dan il-ħsieb profond illi qatt ma jista’ jkollok Gvern b’saħħtu jekk int m’għandekx Partit b’saħħtu!”
“Naħseb ukoll ilii l-fatt illi kellna kampanja pożittiva u meta ngħid pożittiva qed ngjid illi kienet kampanja matura, kampanja nieqsa minn kull attakk fuq kull livell personali minkejja d-dnen tal-kampanja, fejn ikun hemm ċerta tentazzjoni li wieħed jaqa’ f’dak il-livell, peró kienet kampanja mill-isbaħ u dan għarfuh mhux biss dawk il-gruppi moderati iżda għarfuh ukoll gruppi li huma wkoll il-qalba (‘core’) tal-Partit Laburista u naħseb li l-fatt li kellna kampanja b’dan il-mod irrifletta wkoll riżultat pożittiv ħafna illi l-Partit Laburista għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżma, rebaħ ir-raba’ rebħa in fila fuq dan il-livell.”

“Però fl-istess ħin, l-aqwa kampanja nemmen li kienet ‘on the ground’, organika, man-nies fis-sens illi jekk tirrifletti ftit, ċerti uċuh ġodda, il-mod kif ħadmu b’mod organiku man-nies illi llum qegħdin jagħmlu parti minn Grupp Parlamentari ġdid u jista’ jkollhom ukoll rwol fil-Kabinett, dan għadna ma nafuhx, peró naħseb li huwa importanti wkoll li l-Partit Laburista kien organizzat mhux biss fuq livell ta’ Partit sħiħ, iżda wkoll fuq livell ta’ Partit li jinkludi wkoll il-grassroots, il-partitarji Laburisti ‘on the ground’ … naħseb li dak kien wieħed mil-liktar punti importanti f’din il-kampanja u allura hawnhekk insellem lill-eluf ta’ attivisti u voluntiera li tant u tant ħadmu biex kienu veramennt il-qalb ta’ din il-kampanja!”

“Ovvjament, ma kien hemm l-ebda sigriet li tgħid illi quddiem il-poplu kien hemm għażla ta’ żewġ Partiti … wieħed ilu jmexxi l-pajjiż għal 13-il sena u mexxa l-pajjiż fl-iktar mumenti diffiċli tista’ tgħid fl-istorja partikolarment fil-pandemija tal-Covid-19, imma wkoll ma ninsewx meta kellek kriżijiet ta’ inflazzjoni ġejjin minn kriżijiet internazzjonali u allura naħseb illi n-nies għarfu l-importanza li jkun hemm il-kontinwità, l-istabbiltà u l-importanza li jagħżlu Prim Ministru u Partit li għandhom il-kredibbiltà li jmexxu f’dawn il-mumenti diifiċli, għaliex li jkollok Partit fil-Gvern imexxi f’dawk iċ-ċirkostanzi hija garanzija li ovvjament il-poplu jkun seren u l-poplu jibqa’ jgħix ħajtu b’mod normali, filwaqt li għandek Gvern li qed jipproteġik … naħseb li din kienet waħda mill-aktar punti kruċjali.”
“U dan allura jirrilżuta, jien dejjem kont insemmiha u nibqa’ nsemmiha għax naħseb li mkien fl-Ewropa inkluż ekonomiji kbar bħal mhuma l-Ġermanja, l-Ingilterra, Franza ma żammew is-sussidji, ma naqqsu t-taxxi, u fl-istess ħin żiedu l-pensjonijiet, il-benefiċċji soċjali, iċ-‘children’s allowance’ … in-nies dan għarfuh illi int għandek ekonomija li filwaqt li qed tnaqqas il-piżijiet, qed iżżid il-benefiċċji, filwaqt li qed li qed tnaqqas it-taxxi, filwaqt li qed iżżomm is-sussidji, fl-istess ħin qiegħda tkompli tagħti u twieżen in-nies. Naħseb li dak kien punt importanti li n-nies għarfuh fid-deċiżjonijiet tagħhom meta kienu waħedhom fil-kamra tal-vot, b’lapes u karta quddiemhom!”
“Importanti wkoll illi nagħrfu illi kellek deċiżjonijiet li saru waqt il-kampanja mill-Partit Laburista li kienu deċiżjonijiet diffiċli illi kienu deċiżjonijiet illi kienu gwidati anke mill-prinċipji u l-valuri tiegħu u ma qagħadx jilgħab għall-popoliżmu, jiġifieri naħseb illi l-Partit f’din il-kampanja minbarra li kellu kampanja pożittiva u sabiħa, minbara li mmobilizza n-nies ‘on the ground’, minbarra illi kellu 72 kandidat li kważi 40 minnhom kienu nisa, kważi l-kwart minnhom kienu żgħażagħ, kellu wkoll test ta’ identitá f’ċerti deċiżjonijiet illi għaraf il-Partit li jitbuegħed mill-popoliżmu u jkompli jkun iggwidat minn dak li dejjem sawru.”
“Nemmen ukoll li dan il-mandat jitfa’ iktar responsabbiltá fuq il-partit mhux biss biex jara li jwettaq il-manifest li tressaq quddiem i-poplu bl-isem ta’ ‘Int Malta’, imma jara wkoll li janalizza r-riżultat, issa l-fatt li għandek riżultat li huwa ta’ 22,000 maġġoranza li huwa riżultat kbir fih innifsu meta tifhem anke li sentejn ilu fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, kellek distakk bejn iż-żewġ partiti li kien ħafna inqas dik fiha nnifsha diġá hija responsabbiltá iżda l-istess umilta illi l-Partit Labrista wera fl-2024 irid jerġa’ juriha llum billi janalizza r-riżultat bil-kalma, billi ijfhem il-messaġġi li forsi ntbagħtu u jkompli jiġġedded, ikompli jagħraf illi kull riżultat anke jekk huwa pożittiv ħafna wkoll trid tagħraf ċerti messaġġi fih u allura ngħid illi l-Partit Laburista, proprju mil-lum l-għada tal-ġurament tal-ħatra irid ikompli jifhem, jinbidel u ovvjament jadatta skont il-ħtiġijiet tan-nies.”


