Wednesday, June 3, 2026

PROĊESS SPEDIT

Aqra wkoll

L-Elezzjoni Ġenerali ġiet u għaddiet. Ir-riżultat uffiċjali issa diġà ilu jumejn magħruf. Kien il-Partit Laburista li rebaħ din l-elezzjoni b’maġġoranza assoluta ta’ kważi 22,000 vot. Rebħa li kienet ukoll waħda storika għall-Partit Laburista. Dan hekk kif dan il-partit sar l-ewwel partit politiku fl-istorja ta’ dan il-pajjiż li rebaħ erba’ elezzjonijiet konsekuttivi. 

B’dan ir-riżultat, għal darb’oħra, il-poplu Malti u Għawdxi qed juri l-fiduċja fil-Partit mmexxi mill-Prim Ministru Robert Abela. Din il-fiduċja tfisser li l-maġġoranza tal-poplu llum qed jgħix aħjar. Tfisser li l-poplu rrikonoxxa li minkejja d-diversi sfidi, il-Gvern mexa b’għaqal. 

Tfisser li rrikonoxxa l-ħidma fil-qasam soċjali. Turi r-rikonoxximent tal-ħidma fid-drittijiet ċivili. Ma’ dan hemm l-investiment li sar f’pajjiżna u kif il-gvern għen biex ma jintilfux l-impjiegi u nħolqu oħrajn ġodda. 

M’hemmx dubju li qabel mar jivvota, il-poplu Malti tefa’ kollox fil-miżien. Analizza jekk illum hux qed jgħix aħjar minn kif kien jgħix taħt amministrazzjoni Nazzjonalista. Ir-riżultat miksub mill-Partit Laburista, juri li l-poplu għaraf li l-miżien ixaqleb bil-kbir favur il-gvern. 

M’għandniex dubju li din ir-rebħa hi mertu ta’ dan il-gvern. Nemmnu iżda li hu importanti li quddiem din ir-rebħa, il-Gvern u l-Partit Laburista iridu jżommu saqajhom mal-art.

Iżda issa li ġie konkluż il-proċess marbut mal-elezzjoni ġenerali, dlonk bdew isiru l-analiżi tar-riżultati u fejn il-partiti marru tajjeb jew anke fejn kellhom xi jtejbu. Xi ħaġa però li wieħed irid jinnutaha huwa l-ispeditezza fil-proċess tal-għadd tal-voti sakemm inħareġ ir-riżultat uffiċjali. 

Ir-riżultati ġew imħabbra uffiċjalment mill-Kummissjoni Elettorali nhar il-Ħadd filgħaxija, jiġifieri fl-istess jum li fih beda jsir l-Għadd tal-Voti. U għalhekk ma nistgħux ma nfaħħrux l-andament li kien wieħed tajjeb ħafna sakemm sar magħruf ir-riżultat tal-elezzjoni ġenerali. Proċess li kien jinkludi wkoll l-iskennjar tal-voti. 

Naturalment dejjem ikun hemm lok għal aktar titjib. Imma dan l-aħħar proċess bla dubju jawgura tajjeb għal elezzjonijet oħra li se jsiru fis-snin li ġejjin. B’hekk il-proċess ikompli jkun wieħed spedit u r-riżultati uffiċjali ma jdumux ma jkunu mħabbra. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport