Sunday, December 22, 2024

Żieda ta’ 24.7% fit-turisti li waslu Malta f’Novembru

Aqra wkoll

F’Novembru li għadda waslu Malta 217,487 turist, li jfisser żieda ta’ 24.7% meta mqabbel mal-istess xahar tal-2022.

Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li f’Novembru li għadda ġew 189,607 turisti fuq btala filwaqt li 21,953 oħra ġew għal skop ta’ negozju.

L-akbar għadd ta’ turisti kellhom bejn il-25 u l-44 sena. Warajhom kien hemm dawk fl-età ta’ bejn il-45 u l-64 sena.

Residenti mir-Renju Unit, mill-Italja u l-Ġermanja kienu jammotaw għal 40.4% tat-turisti kollha li waslu Malta.

Meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena ta’ qabel, l-għadd ta’ ljieli mqattgħin f’Malta żdiedu b’14.7% biex kważi laħħqu l-1.4 miljun lejl. L-akbar ammont ta’ ljieli kienu mgħoddija fi stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni mikrija. It-tul medju taʼ dawn iż-żjajjar kien jammonta għal 6.3 iljieli.

FʼNovembru 2023, in-nefqa sħiħa tat-turisti qabżet il-€178.2 miljun, li hija żieda taʼ 23.6 fil-mija fuq l-istess xahar sena qabel. L-infiq medju kull lejl kien stmat li kien €129.

L-istatistika turi wkoll kif fl-ewwel 11-il xahar tal-2023, it-turisti li waslu Malta laħqu iż-2,816,641, li huma żieda taʼ 31% fuq l-istess perjodu fl-2022. L-għadd sħiħ tal-iljieli mgħoddijin żdied bi 22.6 fil-mija u bʼhekk kważi laħħaq id-19.2 miljun lejl.

Ekonomija

Sport