Sunday, December 22, 2024

Żieda ta’ 40% fl-allokazzjoni finanzjarja għas-setturi tal-ugwaljanza, riċerka u innovazzjoni

Aqra wkoll

F’konferenza stampa bit-tema “Malta li rridu għal uliedna”, il-Ministru għall-Ugwaljanza, Riċerka u Innovazzjoni Owen Bonnici qal li l-Budget ta’ kull sena hija okkażjoni importanti ħafna għax titfa ‘l quddiem il-miri li l-gvern iħoss li hemm bżonn għall-pajjiż u jagħti l-viżjoni tiegħu mhux biss għas-sena li nkunu se nidħlu fiha imma għas-snin li ġejjin.

Qal li bis-saħħa ta’ dan il-Budget pajjiżna se jkompli miexi ‘l quddiem wara perjodu delikat li ġabet miegħu l-pandemija u qal li jemmnu li dan il-budget għandu l-fattur importanti li jipprovdi d-direzzjoni ‘l quddiem ibbażata fuq investiment f’oqsma li pajjiżna għandu bżonn. Dan inkluż, il-qasam tal-ugwaljanza u l-innovazzjoni li qal li jemmnu li verament huma ċ-ċavetta għall-futur ta’ pajjiżna.

Il-Ministru Bonnici qal li jinsab sodisfatt li l-budget għas-sena 2022 se jagħti żieda ta’ 40% fl-allokazzjoni finanzjarja għas-setturi tal-ugwaljanza, riċerka u innovazzjoni, meta kkumparati mal-allokazzjoni finanzjarja kumplessiva tas-sena li għaddiet. 

Qal li b’kollox qed jaraw li s-sena d-dieħla se jkun hemm 22 proġett li huma lkoll għal qalbhom ħafna u jemmnu li se jkomplu jsaħħu kemm l-ugwaljanza kif ukoll l-innovazzjoni f’pajjiżna.

Fost dawn il-proġetti hemm it-tnedija ta’ kampanja ta’ għarfien nazzjonali biex jindirizzaw il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, li fi kliemu hija xi ħaġa inaċċetabbli. Il-Ministru qal li se jiffukaw ukoll fuq il-kwistjoni tas-sesswalità u l-oġġettifikazzjoni tan-nisa. Żied jgħid li se jitkellmu ukoll u jagħmlu riċerka importanti dwar tfal li jesperjenzaw vjolenza domestika u abbuż ieħor tul tfulithom.

Il-Ministru Bonnici qal li anke fejn tidħol il-qasam tal-ugwaljanza hemm proġett li se jagħmel riċerka dwar diskriminazzjoni lejn persuni LGBTIQ. 

Semma wkoll proġett ieħor li jirrigwardja r-riforma fil-liġi tal-kannabis fejn qed iħarsu ‘l quddiem biex minn hawn u ftit tal-jiem oħra, kif jgħaddu d-dibattiti dwar il-budget, jkunu jistgħu jibdew jiddiskutu fil-Parlament il-qafas regolatorju ġdid għall-użu responsabbli tal-kannabis. Fost ħafna affarijiet oħra li se twassal din ir-rifoma, qal li se naraw it-twelid ta’ awtorità regolatorja ġdida li se tassigura li l-affarijiet jimxu b’mod tajjeb.

Ir-raba’ proġett li huwa importanti huwa tal-LGBTIQ Hub fejn qed jaraw li jkun hemm post li minnhu jkun hemm faċilitajiet għall-għaqdiet marbuta mal-qasam tal-LGBTIQ u jingħataw servizzi li l-gvern jipprovdi għal din il-komunità.

Dwar it-traffikar uman, pjaga oħra li teżisti fid-dinja kollha, il-Ministru qal li jridu jkomplu jaħdmu biex joħolqu kuxjenza u b’hekk se jkomplu għaddejjin b’kampanji ta’ għarfien.

Fejn jidħol l-ugwaljanza dwar il-ġeneri, il-Ministru qal se jimplimentaw strateġija u pjan ta’ azzjoni nazzjonali fejn jidħol l-integrazzjoni tal-ġeneru. 

Dwar il-qasam tal-persuni vulnerabbli u persuni b’diżabilità, il-Ministru semma l-Fondazzjoni għall-aċċessibiltà lejn l-informatika li għaddejja minn riforma sħiħa fejn se jiżdiedu r-riżorsi biex ikabbru s-servizzi li jingħataw sabiex bis-saħħa tal-informatika jgħixu ħajja aħjar.

Fost l-oħrajn semma żewġ proġetti infrastrutturali sbieħ ħafna biex ikompli jsebbħu ż-żona Ta’ Bighi fil-Kalkara fejn iridu li dan iċ-ċentru xjentifiku u interattiv isir verament hub ta’ innovazzjoni f’pajjiżna. 

Tkellem ukoll dwar il-fatt li se jkunu qed isaħħu l-programm Fusion li fi kliemu qed jagħmel tant u tant ġid.  Qal li fl-aħħar ħames snin taw €12-il miljun f’investiment fir-riċerka u se jerġgħu jżidu l-programm Fusion biex b’hekk il-programm issa se jkollu total ta’ €4 miljun x’jista’ wieħed juża biex isaħħu t-talent u jdawruh f’soluzzjonijiet ġodda.

Il-Ministru tkellem ukoll li se jibnu fuq l-istateġija għal wara l-pandemija li ġiet ippubblikata din is-sena fejn fost l-oħrajn iridu jaħdmu ma’ kulħadd biex jaraw li r-rakkomandazzjonijiet ta’ din l-istrateġija jiġu implimentati. 

Ekonomija

Sport