Thursday, December 26, 2024

Żieda ta’ 65% fil-passiġġieri li ġew Malta bil-cruiseliners fl-2023

Aqra wkoll

Fl-2023, pajjiżna esperjenza madwar 900,000 moviment ta’ passiġġier permezz ta’ cruiseliner. Din hija żieda ta’ 65% meta mqabbel mas-sena li għaddiet u li titqabbel ferm tajjeb mal-2019 li kienet sena rekord. 

Is-sena li għaddiet l-industrija tal-kruċieri f’Malta ħalliet €85 miljun fl-ekonomija Maltija b’€32 miljun minnhom f’nefqa minn passiġġieri fuq cruise u l-€53 miljun l-oħra mill-linji tal-kruċieri nfushom.

Huwa stmat li l-prospetti għall-industrija tal-kruċieri matul din is-sena se tibqa’ waħda pożittiva hekk mistennija naraw ‘l fuq minn 900,000 moviment ta’ passiġġieri għal 2024.

Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo u l-l-Uffiċjali Kap Eżekuttiv ta’ Valletta Cruise Port u Uffiċjal Kap tal-Operazzjoni ta’ Global Ports Holding Stephen Xuereb.

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo rrimarka kif l-industrija tal-cruising tista’ tkun katalista għat-turiżmu bl-ajru dan għaliex l-ewwel esperjenza ta’ Malta fuq cruise tista’ twassal għal waqfa itwal fil-futur.

“Ser inkomplu l-ħidma tagħna biex ikollna iżjed ditti ta’ kruċiera li jagħmlu home porting f’pajjiżna. Homeporting huwa meta jkollok vapur li jibda u jtemm il-vjaġġ tiegħu f’Malta. Dan il-kunċett diġa jeżisti u ninsabu impenjati li nkomplu narawh jikber fil-futur. Jeżistu iżjed opportunitajiet li bihom l-industrija tal-cruiseliners toffri valur miżjud għal prodott turistiku tagħna. Fit-turiżmu qatt ma tista’ tgħid ksibt riżultat tajjeb u tieqaf hemm. Hija dinja kompettivita li kontinwament dejjem tinbidel u għalhekk huwa mportanti li nkomplu naħdmu biex l-industrija tibqa’ bbażata fuq sisien sostenibbli għaż-żmien li ġej,” saħaq il-Ministru Clayton Bartolo. 

L-Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ Valletta Cruise Port u Uffiċjal Kap tal-Operazzjoni ta’ Global Ports Holding Stephen Xuereb sostna kif il-pożizzjoni l-pożizzjoni ċentrali ta’ Malta fil-Mediterran tfisser li Malta tospita numru ta’ vapuri li jkunu fuq itinerarji li jilħqu l-erbat irjieħ tal-Mediterran, frekwentament anke fuq itinerarji twal li jilħqu reġjuni li jkomplu jsaħħu r-reputazzjoni tagħna bħala port ewlieni għal kruċieri. 

“Din l-industrija tħalli impatt sostanzjali fuq il-Gżejjer Maltin f’termini ekonomiċi: servizzi lill-vapuri u servizzi lill-passiġġieri; titjiriet lejn u minn Malta b’impatt fuq l-linji ta’ l-arju u l-ajruport, kif ukoll dak li nafuh bħala cruise and stay fejn il-passiġġieri jkollhom ix-xelta li jgħaddu diversi jiem f’pajjiżna qabel jew wara l-cruise tagħhom,” temm jgħid is-Sur Stephen Xuereb.

Ekonomija

Sport