Fit-tieni kwart tal-2022, it-trasport bil-baħar bejn Malta u Għawdex irreġistra żidiet kemm fil-vjaġġi kif ukoll fil-passiġġieri u vetturi li qasmu l-fliegu meta mqabbel mal-istess kwart tas-sena li għaddiet.
Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li bejn April u Ġunju tal-2022, saru 10,338 vjaġġ bejn Malta u Għawdex u li bejniethom ġarru total ta’ 1,478,626 passiġġier. Ġunju kien l-aktar xahar li fih saru vjaġġi bil-baħar (3,566 jew 34.5% tat-total).
L-istatistika turi kif fit-tieni kwart ta’ din is-sena kien hemm 1,352,221 passiġġier li vvjaġġaw bejn l-Imġarr u ċ-Ċirkewwa, li jfisser żieda ta’ 49% meta mqabbel mal-istess kwart tas-sena 2021. In-numru ta’ vetturi żdiedu b’21.6%, biex laħħqu l-498,214.
Bejn April u Ġunju seħħew 1,663 vjaġġ bil-fast ferry, li ġarrew bejniehom 126,405 passiġġieri. F’Mejju saru l-akbar ammont ta’ vjaġġi (637) filwaqt li f’Ġunju kien irreġistrat l-akbar ammont ta’ passiġġier li vvjaġġaw bil-fast ferry (48,605).