Il-Ħadd li għadda il-coach ta’ Bayern Munich, Thomas Tuchel (ritratt), ġie mistoqsi jekk ħassx li għadu l-bniedem it-tajjeb għax-xogħol wara t-telfa tat-team tiegħu kontra Bochum bl-iskor ta’ 3-2, li tħallihom tmien punti taħt Bayer Leverkusen bi 12-il logħba biss għat-tmiem. Jista’ jkun leġġenda ta’ Real Madrid li jidħol minfloku.
Skont rapporti fil-media Ġermaniża, Zinedine Zidane huwa għażla li ġiet diskussa internament minn Bayern jekk jitkeċċa Tuchel. Huma ħerqana li l-ex manager ta’ Chelsea u Borussia Dortmund ikompli sal-aħħar tal-istaġun, iżda minħabba n-natura delikata ta’ kif qed jiżvolġu l-affarijiet, qed jieħdu s-sitwazzjoni logħba b’logħba.
Il-ġganti tal-Bavarja japprezzaw l-esperjenza u l-enerġija tiegħu, filwaqt li huma jittamaw li Zidane jkun disponibbli mmedjatament. Għadu mhux ċar jekk dan ifissirx li Zidane huwa sempliċement marbut ma’ xi ħadd, jew jekk Zidane indikax li jkun lest li jieħu f’idejh ir-responsabbiltá b’mod immedjat.
Jekk jaċċetta, dan ikun l-ewwel impjieg kbir li jkollu Zidane li mhuwiex ma’ Real Madrid, b’perjodu f’Castilla u tnejn mat-team tal-kbar.
Barcelona jistgħu wkoll ikunu qed iżommu għajnejhom mill-qrib fuq l-iżviluppi, b’Tuchel għażla li qed tissemma’ għall- bankina tal-Blaugrana fl-istaġun li ġej.