Thursday, April 18, 2024

Żjara f’Betlem: “ħabs kbir” fejn it-turisti huma mċaħħdin mill-verità – Salaam Bannoura

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Kull min żar Betlem fi żmien il-Milied, jiddeskriviha bħala ‘esperjenza li ma jinsewha qatt”.  Oħrajn jgħidulek ‘kemm nixtiequ li din is-sena konna hemm”.  Imma waqt li t-turist jgħaddi ftit ħin biss f’din il-belt minħabba restrizzjonijiet u kontroll li hemm, ma tistax ma tistaqsix eżattament x’inhi r-realtà f’b’din il-belt. Għal Salaam Bannoura, studenta Palestinjana li fl-aħħar ġimgħat kienet f’pajjiżna, Betlem tqabblu ma’ ħabs kbir. “Meta ngħid hemm m’iniex qed nesaġera”, tgħid Salaam. Tispjega kif “it-turisti li jmorru f’Betlem jittieħdu biss f’żoni partikolari u jgħaddu minn rotot apposta. Tenfasizza li t-turisti huma illimitati mill-jesperjenzaw il-verità. It-turisti jaslu b’impressjoni negattiva u jitilqu mingħajr ma jingħataw ċans li jibdlu din l-impresjsoni u dan billi jitħalltu u jitkellmu man-nies tal-post”.

Salaam qalet lil talk.mt li “nista’ ngħidlek li dalgħodu fl-aħbarijiet bdiet tixxandar karikatura li turi is-sitwazzjoni politika f’Betlem. Jidhru Marija u Ġużeppi fi triqithom minn Nazareth lejn Betlem. Waslu fiċ-checkpoint u ppruvaw jaqsmu. Wieħed mis-suldati Iżraeliti jidher qed jiċċekkja biex jara jekk għandhom splussivi taħt il-ħmara, waqt li suldat iehor qed jagħmel spezzjoni lil Ġużeppi. Forsi tara din il-karikatura titbissem, iżda finalment hi ta’ dwejjaq.  Ir-residenti ta’ Betlem qed jġħixu f’ħabs kbir b’limitazzjonjiet kbar fuq il-moviment u nuqqas ta’ aċċess  għal ħafna riżorsi vitali li jaffettwaw il-ħajja ta’ kuljum tagħhom”.

“Issa jekk nieħdu t-turisti li jiġu naraw diversi angoli. L-ewwelnett, it-turisti li jżuru l-Art Imqaddsa  permezz ta’ aġenziji turistiċi Iżraeljani ħafna drabi  jingħataw immaġini negattiva tal-Palestinjani li huma se jiltaqgħu magħhom f’Betlem.  Dawn it-turisti jingħataw x’jifhmu li ż-żjarat f’Betlem jinżammu qosra għas-sigurtà tagħhom stess minħabba tħeddid li jista’ jkun hemm minn Palestinjani fuq ħajjithom.  Għalina dan ix-xenarju ta’ influwenza fuq l-imħuħ ta’ dawk li jżuruna. Hi ta’ dwejjaq u tedjanti li tara li jiġu jżuruna nies minn madwar id-dinja kollha u dawn ikollhom moviment ħieles bejn bliet storiċi Palestinjani – inkluż l-artijiet li kienu ġew ikkonfiskati fl-1948 u aħna residenti f’din il-belt m’għandniex dan id-dritt.  Issa qed naraw li t-turisti qed jispiċċaw bil-moviment tagħhom ikkontrollat għal dak li qed jissejjaħ ‘raġunijiet ta’ sigurtà’. Għallinqas għal darba huma jistgħu jifhmu kif inħossuna aħna b’kontroll fuq il-moviment tagħna”.

Salaam tkompli tgħid li “l-immaġini li jieħdu it-turisti hi waħda ta’ dwejjaq. Jiġu f’Betlem – l-art tal-paċi,  u jsibu l-belt imriegħda mill-biża. Il-fatt li t-turisti ma jitħallewx jiġu f’Betlem billi jużaw aġenziji turistiċi Palestinjani, qed taffettwa id-dħul ekonomiku tar-residenti fil-lokal.  Betlem hi waħda mill-akbar attrazzjonijiet turistiċi fil-Palestina, ħafna mir-residenti jiddependu mit-turiżmu għall-għixien tagħhom. Fost dawn hemm ħwienet tas-souvenirs, lukandi, ristornati, trasport u ħwienet tal-merċa. Għalhekk il-fatt li t-turisti ma jitħallewx jgħixu f’Betlem għal ftit jiem, qed taffettwa id-dħul għal dawn il-kategoriji ta’ negozji”.

Salaam tkompli tgħidilna li “ż-żjara qosra f’Betlem u f’rotot speċifiċi qed tillimita lit-turisti milli jesperjenzaw il-verità u jaraw in-naħa l-oħra tal-munita.  It-turisti jaslu b’immaġini negattiva u qed jitilqu mingħajr ma jkollhom iċ-ċans li jikkoreġu dan. Mingħajr ma jingħataw iċ-ċans li jitħalltu man-nies u jitkellmu magħhom, it-turisti mhux jirrealizzaw li n-nies ta’ Betlem huma magħrufin għall-ospitalità u għal qalb tajba tagħhom.  Lanqas qed jaraw li l-akbar xewqa tal-Palestinjani hi dik li jkun hemm il-paċi u li ssir ġustizzja”.

Salaam tgħid li “b’mod ġenerali betel hi belt kwieta u għandha l-maġġoranza tar-residenti li huma edukati u litterati. Imma l-belt hi karatterizzata mill-‘ħajt tal-apartheid’ u r-residenti huma suġġetti għal konfiska tal-art, bħal fi bliet oħra Palestinjani. L-okkupazzjoni Iżraelita qed taffetta  kull parti tal-art. F’Betlem ir-residenti jkunu arrestat u jispiċċaw il-ħabs b’mod regolari. Djar qed jispiċċaw jitwaqqgħu ta’ spiss, jeżistu ċ-checkpoints li jikkontrollawlek il-moviment. Apparti l-ħajt, Betlem hi mdawra minn tlett żoni ta’ djar mibnijin mill-gvern Iżraelit.  Rapporti riċenti  qed jindikaw li l-Gvern Iżraeljan għandu l-ħsieb li jieħu aktar artijiet biex jibni bażijiet militari madwar iż-żona. Mhux b’esaġerazzjoni – qed ngħixu b’ħabs kbir. Li hem speċjali f’Betlem hi is-siti reliġjuż li għalih jiġu ħafna pellegrini. Dan il-fatt ma jista’ ikun manipulat minn Iżraelu dan hu ta’ ostaklu kbir. Fis-sena 2002, meta Betlem spiċċat taħt ‘curfew’  u l-knisja tan-Natività spiċċat taħt assedju għal 40 ġurnata,  il-medja internazzjonali għamlet pressjoni kbira dwar dan. Iżrael hu konxju tal-importanza li ż-żona tinżamm kwieta u paċifika. Minkejja dan ir-residenti iridu jiffaċċjaw l-ostakoli tal-kontrolli kuljum”.

Ma tistax ma tistaqsihiex fuq kif ikun ċelebrat il-Milied f’Betlem. Salaam tirrispondi billi tgħid li “iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied hawnhekk idumu ħafna. Biżżejjed ngħidlek li dawn iċ-ċelebrazzjonijiet jintemmu fl-aħħar ta’ Jannar. Dan huma minħabba diversi żoni f’Betlem jiċċelebraw il-Milied f’dati differenti. Bħal ħafna bliet madwar id-dinja, it-toroq ta’ Betlem ikunu imżejnin bid-dwal. Mixja mat-toroq wieħed jista’ jisma’ l-għanjiet tal-milied minn ħwienet u ristoranti. Isiru diversi festivals tal-Milied, xows u anke swieq. Li hu uniku f’Betlem hu l-fatt li ċ-ċelebrazzjonijeit jieħdu xejra aktar reliġjuża. Il-quddiesa ta’ nofs il-lejl hi waħda mill-avvenimenti speċjali. Tispiċċa f’xi 4.00 ta’ filgħodu u wara jkun hemm purċissjoni madwar it-toroq l-antiki tal-belt. Wara jkun hemm festival kbir minn gruppi mużikali lokali u anke barranin.”

Nistaqsuha dwar id-differenzi li tara bejn kif ikun ċelebrat il-Milied f’Betlem u kif rat iċ-ċelebrazzjonijiet f’Malta. Salaam tgħid li “tmur fejn tmur se tara li l-Milied spiċċa kummerċjalizzat. M’għandhiex għażla ħlief li nqabbel is-sitwazzjoni ekonomika bejn Malta u Betlem. Id-dħul medju tla-Maltin hu tlieta jew erba’ darbiet akbar minn dak  ta’ persuna Palestinjana. Wieħed jista’ japplika dan ukoll għal ekonomija taż-żewġ pajjiżi. F’Betlem it-toroq ikun imżejnin imma ħafna inqas minn dawk f’Malta. Nixtru ċikkulajjet u nagħmlu l-gallettini u l-iklien tal-milied. Nixtru ir-rigali. Imma nagħmlu dan mingħajr esaġerazzjonijiet. Kollox ma’ kollox jien nara l-Milied bħala żmien li fih nonfoq flus għal ħaddiehor li jkun fil-bżonn”.

Ekonomija

Sport