Friday, December 13, 2024

Żjara fil-Parlament ta’ Malta mill-FSWS

Aqra wkoll

Uffiċjali tad-Direttorat tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) għal Għawdex żaru l-Parlament ta’ Malta fejn f’din l-okkażjoni speċjali ħadu sehem f’sessjoni plenarja b’differenza li tmexxiet mill-Ispeaker Dr Anġlu Farrugia. L-Ispeaker fakkar li hekk kif il-Parlament Malti qed ifakkar il-100 sena mindu twaqqaf, jirrifletti x-xogħol li jagħmlu l-impjegati tal-FSWS f’dan iż-żmien. Dan għal fatt illi fejn qabel ma kienx hawn għajnuna soċjali, dan ma jgħoddx għal ġurnata tal-lum.

Qal li jekk fil-passat is-sitwazzjoni tal-faqar ma setgħetx tirpilja, dan mhux il-każ tal-lum, għax l-FSWS qed tagħti kontribut li tgħin mhux biss individwi iżda wkoll il-familji Maltin. B’messaġġ ċar lill-uffiċjali kollha tal-FSWS, Dr Farrugia tenna li dawn qed jagħtu servizz importanti li għandu dejjem l-għan aħħari li jitjieb it-tessut soċjali f’Għawdex kif ukoll f’Malta. Temm jgħid li l-ħaddiema għandhom jibqgħu dejjem sensittivi għal kull realtà umana. Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-FSWS is-Sur Alfred Grixti qal li Għawdex m’hemm xejn inqas minn Malta fejn jidħlu s-servizzi. Sostna li għalkemm huwa kburi bil-ħidma tal-Fondazzjoni, spjega li huwa m’għamel xejn waħdu iżda li kieku ma kienx hemm il-kumplament tal-ħaddiema, il-Fondazzjoni ma kienetx tasal fejn waslet illum. 

Is-Sur Grixti temm billi radd ħajr lill-Ministeru ta’ Għawdex għall-għajnuna li jagħti lill-FSWS biex il-ħidma tkompli tikber u jonqsu l-problemi soċjali. Id-Direttur tal-Fergħa tal-FSWS f’Għawdex Monsinjur Joe Vella Gauci filwaqt li radd ħajr lill-Ispeaker ta’ din l-okkażjoni speċjali, semma kif bħala direttorat irid jibni fuq it-tajjeb u jkompli miexi fit-triq ‘il quddiem mingħajr żbalji li setgħu saru fil-passat. Saħaq li l-viżjoni tal-ħidma soċjali f’Għawdex ġejja mill-qalb tal-professjonisti kemm Għawdxin kif ukoll Maltin.

Semma kif l-għan tal-FSWS huwa li jintlaħaq iż-żgħir u l-vulnerabbli billi tiġi ffukata l-ħidma tal-Fondazzjoni biex persuna terġa’ tibni d-dinjità tagħha. Ikkonkluda li l-viżjoni tad-direttorat hi li jibqa’ mpenjat li jagħmel id-differenza fil-ħajja tar-residenti, filwaqt li jibnu fuq it-tajjeb li twettaq fil-passat, li jkomplu jinħolqu aktar servizzi. Qal ukoll li d-direttorat Għawdxi mpenjat, li jkompli jtejjeb il-ħidma mal-imsieħba soċjali oħrajn fosthom mal-knisja dejjem bi skop wieħed, dik li titjieb dejjem il-qagħda soċjali f’Għawdex waqt li l-vulnerabbli jqum fuq saqajh.

Ekonomija

Sport