Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK), b’kollaborazzjoni mal-Malta Falconers Club, żaret lil Dar Bjorn f’Ħaż-Żebbuġ bħala parti minn sorpriża speċjali organizzata għal Darren, resident minn Żejtun li għandu passjoni kbira għall-kaċċa, l-insib u l-kampanja Maltija.
Matul iż-żjara, Darren kellu l-opportunità jiltaqa’ mill-qrib ma’ Kelba tal-Kaċċa ta’ Malta, Bies u Ajkla Rjali, esperjenza li ġabet tbissima kbira fuq wiċċu u li ħalliet memorji sbieħ għal kulħadd preżenti.
Bħala tifkira ta’ din il-ġurnata speċjali, il-President tal-FKNK, Lucas Micallef, ippreżenta lil Darren, stampa numerata mill-kollezzjoni privata tiegħu li turi par Gamiem, xogħol li issa ser iżejjen il-kamra tiegħu bħala tifkira ta’ din il-laqgħa.
Il-FKNK jixtiequ jirringrazzjaw lill-amministrazzjoni u lill-istaff ta’ Dar Bjorn, kif ukoll lit-tim tal-programm Marelli, tal-istedina u tal-opportunità li nkunu parti minn inizjattiva tant sabiħa.
Mumenti bħal dawn ifakkruna li l-imħabba lejn in-natura, il-wirt tagħna u l-annimali għandha l-ħila tgħaqqad lin-nies u toħloq memorji li jibqgħu għal dejjem.
