Thursday, July 16, 2026
Home Bloggers Ġurijiet pendenti, imma mhux biss

Ġurijiet pendenti, imma mhux biss

0
2

Kif mistenni, il-ġuri ta’ Yorgen Fenech mixli b’kompliċità fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia f’Ottubru tas-sena 2017 permezz ta’ bomba li tpoġġiet fil-karozza tagħha, qanqal u qiegħed iqanqal l-interess mistenni. Mhux se nidħol fil-mertu tal-każ innifsu imma se nipprova nitratta s-sitwazzjoni li tista’ tgħid tqum waqt kull ġuri: it-tul ta’ żmien biex isiru l-proċeduri legali. Biex l-akkużat/i jgħaddu ġuri dwar ir-reat/i li jkun jew ikunu akkużati bih jew bihom. Għalhekk mhux qed nitratta dan il-ġuri partikolari.

Xagħar f’rasi ma tantx fadalli, imma anke jekk ftit, naħseb li tul is-snin fil-ġurnaliżmu rrappurtajt ġurijiet mill-Qorti ferm aktar milli għandi xagħar f’rasi. Dejjem innotajt li sakemm isir il-ġuri partikolari dejjem kien ikun hemm numru sostanzjali ta’ snin mit-twettiq tar-reat konċernat sa ma jinbdew u jintemmu dawn il-proċeduri.

Skont informazzjoni uffiċjali mogħtija ftit taż-żmien ilu bħalissa hemm aktar minn 250 każ kriminali pendenti biex isir il-ġuri dwarhom. Is-snin ta’ stennija jvarjaw. U huwa preċiżament dwar dawn is-snin ta’ stennija li ħassejt li llum għandi niddedika dan il-kummentrarju.

Il-mistoqsija komuni dwar dan hija: GĦALIEX DAN ID-DEWMIEN? Il-punt tat-tluq nemmen li għandu jkun li kull każ huwa separat. Kull każ huwa storja fih innifsu. Dak li japplika għal Każ ‘A’ mhux bilfors japplika għal Każ ‘B’. Ma tistax, u m’għandekx, titfa’ kollox fl-istess keffa. Madankollu jibqa’ l-fatt li hemm stennija u stennija twila. B’dak kollu li din tfisser għal kull min ikun involut. Kemm jekk l-akkużat/i kif ukoll il-vittma/i. Il-familji tagħhom. Kemm jekk il-Prosekuzzjoni, kif ukoll id-Difiża u x-xhieda.

X’inhuma l-kawżi wara tali dewmien? Nuqqas ta’ ġudikanti? Dewmien, li nemmen li jkun ġustifikat, min-naħa tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali? Dewmien fl-istadju ta’ kumpilazzjoni? Dewmien dovut għal żmien meħud minn esperti maħturin mill-Qrati fid-diversi stadji tal-proċeduri  biex jippreżentaw ir-rapporti tagħhom?

M’inix f’pożizzjoni inwieġeb, nista’ biss nesprimi opinjoni. Ma naħsibx li l-kawża għal dewmien fil-Qrati, u dan mhux mil-lat ta’ Qorti Kriminali biss, imma kull Qorti oħra, hija nuqqas ta’ ġudikanti. Spiss nisimgħu bil-ħatriet ta’ ġudikanti ġodda, tant li wisq naħseb li issa hemm nuqqas ta’ spazju mnejn jaħdmu.

Hemm il-każ tad-differimenti. Anke hawn mhux faċli tasal għal konklużjonijiet. Differimenti jintalbu minn kull parti. Kemm mill-Prosekuzzjoni kif ukoll mid-Difiża. Ovvjament il-ġudikant ikollu l-platt tiegħu wkoll. Mhux lakemm tikkritika li ngħata differiment għal ċertu tul ta’ żmien. Għandek ukoll il-ħinijiet. Faċli tgħid li l-Qrati jmisshom jaħdmu anke waranofsinhar. U jekk isir hekk il-ġudikant x’ħin se jistudja l-każ ta’ quddiemu biex jagħti d-deċiżjoni? L-avukati tal-partijiet x’ħin se jistudjaw il-każ? L-avukati x’ħin se jallokaw għall-uffiċċju privat tagħhom?

Għandek għadma oħra xi tgerrem meta jkun se jingħata differiment. Irid ‘jintlaħaq’ qbil ma’ kull parti. Jibda l-ġudikant billi jara meta għandu vojt fuq il-lista tiegħu. Imbagħad ikunu mistoqsijin l-avukati taż-żewġ partijiet dwar dik id-data partikolari. L-avukati min-naħa tagħhom jaraw x’ikollhom skedat għax ovvjament ma jkollhomx biss dak il-każ partikolari. Ikollhom xogħol quddiem ġudikanti oħrajn.

Is-sabiħa hi li l-partijiet infushom QATT ma jkunu mistoqsijin jekk huma jkunux disponibbli fid-data li dwarha jintlaħaq qbil bejn il-ġudikant u l-avukati! Il-vera partijiet jistgħu DEJJEM, jew ikollhom jistgħu DEJJEM.

Sinċerament ma nafx kif tista’ tkun solvuta din il-problema. Qed nitkellem minn esperjenza twila fl-awli tal-Qorti. Nassigurak għażiż qarrej li din mhix kwistjoni t’issa jew talbieraħ.

Niftakar li l-ewwel sena ta’ rappurtar tiegħi mill-awli tal-Qorti kienet is-sena 1976. Ħamsin sena ilu! Dak iż-żmien meta kien jinħatar Maġistrat ġdid, jew Imħallef ġdid, konna nirrappurtaw l-ewwel seduta tiegħu li normalment għaliha kienu jattendu d-‘dinjitarji’ kollha tal-Qorti. Seduta simili li kont attendejt għaliha biex ovvjament nirrapporta dwarha għall-ġurnal l-orizzont kienet ta’ Maġistrat. Kien irrimarka li l-kawża li kellu quddiemu kienet tmur lura 30 SENA! Daqshekk kienet ilha pendenti, u kienet titratta kwistjoni dwar gradenza.  Lill-Maġistrat niftakru jgħid li kellu dubju jekk din l-imbierka gradenza kinetx għadha teżisti!

Niftakar ukoll Imħallfin tal-Awla Kriminali li quddiemhom ebda avukat, la tal-Prosekuzzjoni u lanqas tad-Difiża, ma kien ikollhom ċans inaqqru mill-ħin tal-Qorti b’ħafna mistoqsijiet ripetuti lil min ikun fuq il-pedana tax-xhieda biex finalment jirnexxielhom iwasslu l-boċċa qrib il-likk. Niftakarhom lil dawn l-Imħallfin jgħidu lix-xhud biex ma jkomplix iwieġeb u lill-avukat konċernat jgħidulu “għaddi għal mistoqsija oħra, dwar din ix-xhud diġà wieġbek”.

Daqstant ieħor niftakar Ministru partikolari għall-Ġustizzja jwiegħed li kien se jwassal biex jinqata’ id-dewmien quddiem il-Qrati. Issa erħilha li lil dan l-Avukat partikolari niftakru wkoll fl-Awla Kriminali jipprova jtawwal il-ħin tax-xhud li jkun hemm fuq il-pedana tax-xhieda biex forsi jwasslu għal dak li jkun jixtieq hu. 

Li naf hu li meta spiċċa minn Ministru u spiċċa wkoll il-Gvern li kien jifforma parti minnu, is-sitwazzjoni kienet dik li kont ili nesperjenza sa  mis-sena 1976. Żdiedu kemm żdiedu l-awli u żdied kemm żdied in-numru ta’ ġudikanti.

Sadanittant naf ukoll b’ġudikanti li meta spiċċaw bl-età ħallew warajhom patafjun xogħol mhux mitmum u min-naħa l-oħra naf ukoll b’ġudikanti li meta spiċċaw, fis-sigrieta tagħhom (l-uffiċċju tal-ġudikant konness mal-awla) ma ħallew XEJN pendenti, la minn dak li wirtu u lanqas minn dak li bdew huma. Xogħolhom wettquh kompletament. Mhux kulħadd l-istess. Għalhekk ma tridx tpoġġi lil kulħadd fl-istess keffa. Imma kif ikun hemm minn dawn iż-żewġ tipi ma nafx. Nista’ biss nassumi.

Jibqa’ l-fatt li wara dawn is-snin kollha nibqa’ ngħid kemm kellu raġun in-nannu Grezzju Manxela meta kien jgħidli: “Frans, l-meta TIDĦOL il-Qorti tafu inti u l-meta TOĦROĠ mill-Qorti jafu biss Alla!” 

Kemm kellek raġun nannu Grezzju. X’ma nħobbokx! Kompli strieħ fis-sliem.

[email protected]

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here